Il-Grupp AX kien l-aħħar wieħed minn bosta persuni u kumpaniji li esprimew l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta ta’ sistema ta’ Metro minn Gvern Laburista.
Ftit tal-ġimgħat ilu Gvern Laburista nieda l-proposta ta’ Metro wara li kkummissjoni studju serju mill-grupp internazzjonali Arup.
Dan sabiex tiskatta diskussjoni nazzjonali dwar dan il-proġett massiċċ.
Il-Grupp AX permezz taċ-Chairman tiegħu Angelo Xuereb tenna s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-diskussjoni li qajjem il-Gvern hekk kif sostna li din kien ilu jippropniha għal aktar minn 30 sena. Fil-fatt huwa tenna li dan huwa proġett importanti ħafna għall-ġenerazzjonijiet futuri u li għandu jsir fuq medda ta’ snin.
Għalhekk Xuereb sostna l-bżonn ta’ diskussjoni matura fuq is-suġġett bejn professjonisti, tekniċi, organizzazzjonijiet rispettati u anki partiti politiċi biex jitfasslu pjanijiet ta’ implimentazzjoni fl-aħjar interess tal-pajjiż.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu, Xuereb f’isem il-grupp AX rrakkomanda wkoll li s-sistema ta’ trasport tal-massa tkun waħda ta’ Monorail u mhux Metro skond kif ppropona l-grupp ARUP.
Fost oħrajn huwa rrakkomanda wkoll li l-istazzjonijiet jkunu fil-periferija tal-irħula madwar Malta. Fil-fatt faħħar dawk l-istazzjonijiet li jinsabu fuq barra tal-irħula hekk kif ma joħolqux konġestjoni fil-qalba tal-irħula.