Ix-xahar t’Awwissu ta’ din is-sena kien wieħed suċċess għall-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u s-Sigurtà tal-Pulizija, hekk kif ġew solvuti numru ta’ każijiet li l-investigazzjonijiet tagħhom bdew fl-istess xahar u anki oħrajn li bdew fix-xhur ta’ qabel.
Fi stqarrija, il-Pulizija elenkat dawn il-każijiet, ewlenin fosthom żewġ omiċidji u attentat ta’ omiċidju.
Ix-xahar li għadda, tressqu l-Qorti tliet persuni b’rabta ma’ żewġ omiċidji, wieħed li seħħ fis-sebgħa ta’ Awwissu f’Ħal Għaxaq u ieħor fit-tmintax ta’ Awwissu f’Tas-Sliema. Persuna oħra għaddejja proċeduri fil-Qorti b’rabta ma’ attentat ta’ omiċidju fit-tlettax t’Awwissu f’Ta’ Qali.
F’Awwissu, l-istess Skwadra tal-Pulizija solviet numru ta’ każijiet b’rabta ma’ serq minn residenzi u ħwienet.
Fost l-oħrajn, ġew solvuti żewġ każijiet ta’ serq minn ħwienet tal-mowbajls f’San Ġiljan u f’Birkirkara.
Ġew solvuti wkoll każ ta’ hold-up fiż-Żejtun li seħħ f’Novembru li għadda, serqa ta’ mutur f’Għawdex f’Ġunju li għadda, u serqa ta’ mutur tal-ħart xahar wara.
Il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri solviet ukoll serqa ta’ eluf ta’ ewro minn residenza privata f’San Pawl il-Baħar, żewġ serqiet mill-istess persuna f’Wied il-Għajn u Ħal Tarxien, u hold-up fil-Marsa.
Ġew solvuti wkoll żewġ każijiet ta’ attentat attentat ta’ serq f’Ħal Għaxaq fis-16 t’Awwissu.
Intant, għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar allegat serq ta’ sigaretti minn maħżen fil-Belt fil-bidu ta’ Lulju. Erba’ persuni qed jgħinu lill-Pulizija wara operazzjoni fit-tlettax t’Awwissu fis-Swieqi fejn instab ammont kbir mis-sigaretti misruqa.
Fi stqarrija, l-Assistent Kummissarju Sandro Gatt, li jmexxi l-Iskwadra li solviet dawn ir-reati, ġie kkwotat jgħid li s-suċċess ta’ dawn l-investigazzjonijiet huma frott ta’ sigħat twal ta’ ħidma bla waqfiet mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri.