F’Awwissu li għadda, it-temperatura medja tal-ajru kienet ta’ 28.2°C, jiġifieri kienet grad ogħla minn kemm tkun normalment f’dan ix-xahar. Kif ukoll it-temperatura medja tal-baħar ukoll żdiedet bi grad għal 27.3°C.
Skont l-istqarrija maħruġa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, jirriżulta li l-ogħla temperatura f’Awwissu leħqet it-36°C. Din it-temperatura ġiet irreġistrata fit-13 ta’ Awwissu. Filwaqt li fil-ġimgħa ta’ wara l-festa ta’ Santa Marija, nhar it-18 u 19 ta’ Awwissu kienu l-aktar jiem imdawwlin hekk kif ix-xemx iddiet għal ftit aktar minn 13-il siegħa. 21.8°C kienet l-inqas temperatura li niżlet fix-xahar li għadda.
Il-koperta tas-sħab kienet 0.3 oktas eħfef minn kif tkun normalment, dan ikontribwixxa għal żieda ta’ ftit aktar minn 19-il siegħa ta’ xemx meta kkomparat mas-sena ta’ qabel. Iżda, minkejja li ġew irreġistrati total ta’ ftit aktar minn 331-il siegħa matul Awwissu, xorta waħda ma ntelħqux it-353-il siegħa ta’ xemx mistenijja f’dan il-perjodu tas-sena.
In-nuqqas ta’ xita kienet fattur ewlieni għat-temperaturi għoljin ta’ Awwissu, fejn infatti kienu traċċi biss ta’ xita li ġew irreġistrati fid-29 tax-xahar. Dakinhar ix-xemx iddiet għal ftit aktar minn siegħa u għalhekk kien l-inqas jum imdawwal tax-xahar.
Ir-riħ f’Awwissu nefaq inqas minn dak mistenni, il-veloċità medja tar-riħ ma qabżitx is-6 knots, jiġifieri nofs knot iktar kalm min-norma.