Fl-okkażjoni tal-75 sena mill-assassinju ta’ Mahatma Gandhi, l-għalliem u awtur Robert Aloisio ħareġ id-disa’ ktieb tiegħu li jġib l-isem “Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin”: ġabra ta’ għoxrin personaġġ tas-seklu għoxrin.
Aloisio jikteb dwar Gandhi, Albert Schweitzer, Einstein, Helen Keller, Giuseppe Moscati, Franklin Roosevelt, Charlie Chaplin, Giorgio La Pira, Dietrich Bonhoeffer, Madre Tereża, Thomas Merton, Oscar Romero, Nelson Mandela, Elie Wiesel, Martin Luther King, Anne Frank, Mikhail Gorbachev, Giovanni Falcone, Muhammad Alì u Lech Walesa.
Fid-daħla għall-ktieb, Aloisio jgħid li “l-għażla tal-personaġġi hija waħda personali u suġġettiva. Lanqas ma hija neċessarjament l-għażla tal-ikbar għoxrin personaġġ tas-seklu l-ieħor, għalkemm ħafna mill-ismijiet igawdu apprezzament internazzjonali kważi unanimu. Huma għoxrin personaġġ li jien personalment nammira għax b’li qalu u fuq kollox b’li għamlu għad għandhom ħafna x’jgħidulna ukoll illum il-ġurnata.”
Aloisio jgħid li dawn il-“ġganti” ma kinux nies perfetti. Kellhom id-difetti tagħhom ukoll. Kienu ġganti imperfetti. Anke dawk li wara mewthom ġew iddikjarati qaddisin. Imma l-intenzjoni ewlenija tagħhom kienet li jgħinu lill-oħrajn iktar milli biex jonfħu l-ego tagħhom u jagħmlu isem mad-dinja.
Kienu lkoll nies li ppruvaw jaraw it-tajjeb fl-oħrajn u joħorġu l-aqwa mill-persuni ta’ madwarhom. Fittxew li jgħaqqdu lin-nies u mhux jifirduhom. Bnew pontijiet u mhux ħitan. Kienu tassew ċittadini tad-dinja. Għax kif qal Martin Luther King, “irridu nitgħallmu ngħixu flimkien bħall-aħwa jew inkella nintilfu flimkien bħall-boloh”.
Il-ktieb, ta’ Pubblikazzjonijiet Preca, jinkiseb mil-Librerija Preca.