Minħabba r-ritmu mgħaġġel li bih qed jikber is-settur tat-trasport f’pajjiżna, inħass il-bżonn li jitwaqqfu awtoritajiet indipendenti għas-setturi tal-avjazzjoni, dak marittimu u tal-art.
Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg qal li din il-bidla, wara deċiżjoni tal-Kabinett, se tagħti l-opportunità lill-ħaddiema biex javvanzaw fil-karriera tagħhom: “Il-Gvern jemmen li wasal iż-żmien li kemm is-settur tal-avjazzjoni u kemm is-settur marittimu li tant qed jikbru, ikollhom l-awtorità rispettiva tagħhom imma anki t-trasport fuq l-art. Id-diskussjoni nazzjonali li għaddejja fuq il-metro, it-trasport pubbliku b’xejn mis-sena d-dieħla u allura rridu naraw li jkollna awtoritajiet distinti u allura issa l-kumitat ta’ ħidma biex jara li dan isir, però rrid ukoll inserraħ ras il-ħaddiema kollha li kulħadd ikun jista’ javvanza iktar fis-setturi speċifiċi.”
Għal dan il-għan twaqqaf working group immexxi mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, li se jaħdem fuq il-bidliet li hemm bżonn mill-aspett leġiżlattiv, amministrattiv u industrijali.
Iċ-Chairman tal-Forum Marittimu l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon qal li l-forum se jagħti l-appoġġ sħiħ għall-idea ta’ awtoritajiet ġodda fuq settur speċifiku.
Dan qalu f’kuntest li jeħtieġ iżjed xogħol biex l-industrija marittima, tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna, tkompli tikber.
Huwa qal, “L-idea hija li ħaġa li l-Malta Maritime Forum ilu jitlob għal numru ta’ snin biex ikabbar l-importanza ta’ dan is-settur għall-ekonomija tal-pajjiż, intlaqgħet.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Forum tal-Avjazzjoni, il-Perit Karmenu Vella saħaq li l-partijiet involuti fl-industrija li jirrappreżenta qed jilqgħu l-idea t’Awtorità speċifika għall-avjazzjoni, b’idejhom miftuħa.
Huwa sostna: “Hija deċiżjoni għaqlija ħafna, deċiżjoni li ħafna mill-istakeholders tal-avjazzjoni ilhom jistennew ħafna. Bħalissa għaddejjin biex niffinalizzaw il-policy tal-avjazzjoni u din ċertament se tkun waħda mill-affarijiet importanti li se jkun fiha din il-policy.”