Leonid McKay inħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar ftit tal-jiem ilu u l-ħatra tiegħu nisslet ċertu entużjażmu minħabba l-esperjenza kbira li għandu fil-qasam soċjali. Iżda, illum se jkolli sfida differenti. Minflok jipproponi jrid jaġixxi. Minflok jgħid x’soluzzjonijiet jista’ jkun hemm irid iwettaqhom. Dwar dan il-gazzetta KullĦadd għamlitlu numru ta’ mistoqsijiet.
X’wasslek biex dħalt għal din l-isfida meta kont għamilt isem għalik fit-tmexxija tal-Caritas u mexxejt din l-entità ’l quddiem?
Bla dubju, kienet deċiżjoni diffiċli ħafna li nħalli l-Caritas wara 12-il sena, l-aħħar erba’ snin bħala direttur. Esperjenza li għaġnet il-valuri u l-prinċipji tiegħi ispirati mill-valur tal-ġustizzja soċjali. Inħares lejn il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar bħala kontinwazzjoni ta’ dak li emmint u tkellimt dwaru matul dawn is-snin. Fejn qabel kont nifluwenza, illum parti mit-tfassil tal-politika soċjali. Settur li dejjem kien ta’ interess kbir għalija, fil-fatt, matul l-istudji tiegħi fil-politika soċjali ħarist mill-qrib lejn il-mappa ġeografika ta’ persuni bi dħul baxx b’enfasi partikolari fuq l-akkomodazzjoni soċjali. Dawn is-snin servewni ta’ privileġġ, nifhem mill-qrib ir-realtajiet ta’ dawn il-persuni.Konxju li dħalt għal sfida kbira li kważi ma tista’ tissolva qatt għalkollox għaliex dejjem se ssib każi ġodda?
Inħares lejha bħala sfida li jekk b’politika li tifhem ir-realtajiet tas-soċjetà li dejjem qed tinbidel, tista’ tibdel il-ħajja ta’ persuna jew familja minn lejl għan-nhar. Dejjem se jkun hemm każijiet ġodda għaliex f’kull soċjetà se ssib persuni f’sitwazzjonijiet varji ta’ vulnerabbiltà. Nemmen bis-sħiħ li l-irwol tal-Awtorità m’għandux ikun jorbot biss mal-bini, iżda anke li toffri għodda lil dawn il-persuni biex itejbu l-istat tagħhom. Aktar minn Awtorità tad-Djar irridu nħarsu lejha bħala Awtorità tan-nies li tibbaża dak li tipproponi fuq l-isfidi ta’ dawn l-istess persuni u tkompli ssaħħaħ dak li b’mod konkret għamel differenza fil- ħajja tagħhom.
Mill-esperjenza tiegħek xi jwassal l-iktar biex persuna tkun teħtieġ housing soċjali?
Jekk hemm xi ħaġa li turtani u li tkellimt dwarha diversi drabi hija l-fatt li hemm tendenza li nħarsu lejn persuni vulnerabbli bħala vittmi ta’ deċiżjonijiet tagħhom stess. Sikwit tisma’ argumenti insensittivi u mimlijin preġudizzji. B’kuntrajru, hemm diversi raġunijiet għalfejn persuna tfittex l-għajnuna tal-Awtorità. Kelli l-opportunità nitkellem ma’ persuni fl-Awtorità li jaħdmu direttament mal-persuni li jħabbtu l-bibien tagħna. Għandek persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, ommijiet irabbu waħedhom bl-istat finanzjarju tagħhom ma jippermettix li jikru jew jixtru proprjetà, vittmi ta’ vjolenza domestika, persuni bi dħul baxx u anke persuni li jkollhom xi vizzju, fosthom tad-droga. Żgur li ebda persuna ma tkun tixtieq li tiġi bżonn l-akkomodazzjoni soċjali u għalhekk għandna nkomplu naħdmu biex din it-tip ta’ stigma tispiċċa.
X’se jkunu l-prijoritajiet tiegħek fiż-żmien li ġej?
Bħala Kap Eżekuttiv se nkun qed nara li l-Awtorità tad-Djar tkun sensittiva għall-bżonnijiet tan-nies u tfassal politika proattiva u realistika fil-konfini finanzjarji tal-Gvern. Nikkommetti li l-Awtorità tirrikonoxxi l-isfidi li qed jgħixu dawn il-persuni, u dak li tipproponi jpoġġi fiċ-ċentru lill-persuna. Nixtieq li nisimgħu mhux biss lin-nies iżda anke lil entitajiet oħra inklużi dawk mhux governattivi li jaħdmu b’mod dirett ma’ dawn il-persuni flimkien mal-ħassieba li mill-esperjenzi tagħhom jistgħu jikkontribwixxu għal politika proattiva. Nemmen ukoll li ma rridux nibqgħu nitkellmu biss fuq housing soċjali iżda anke housing affordabbli, skemi li jgħinu nies isiru sidien ta’ djarhom biex fil-politika tagħna nirrikonoxxu wkoll l-isfidi ta’ dawk li mhux neċessarjament huma eliġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali.
Kif tħares lejn il-ħidma li diġà bdiet f’dan is-settur? Il-Gvern qed jikkommetti investiment bla preċedent.
Inkun onest, li dan kien wieħed mill-fatturi ewlenin li ħajjarni li naċċetta din il-kariga. Għall-ewwel darba għandna Segretarjat Parlamentari speċifikament għall-akkomodazzjoni soċjali, hemm kommess investiment ta’ €100 miljun f’akkomodazzjoni soċjali li se jwassal għal aktar minn 1,000 appartament ġdid. L- Awtorità tad-Djar diġà għandha rwol b’saħħtu fis-soċjetà u toffri skemi u inizjattivi li qed joffru assistenza konkreta u għalhekk qed inħares ’il quddiem biex naħdem mat-tim fl-Awtorità li tkompli tikber u twessa’ s-servizzi tagħha ovvjament fil-konfini tal-baġit finanzjarju allokat.
Int kuntent b’sistema fejn wieħed jieħu post tal-housing għal għomru. Jew temmen li l-housing soċjali għandu jkun tranżitorju?
Bħalma ma nemminx li persuna għandha tkun dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, l-istess nemmen li persuna m’għandhiex tkun dipendenti fuq l-akkomodazzjoni soċjali. Iżda, irridu nifhmu wkoll li sfortunatament hawn faxxa ta’ nies li għal diversi raġunijiet ma jistgħux ikunu indipendenti, fosthom l-anzjani u dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ mard kroniku. Ma nistgħux nieħdu a one size-fits all approach u rridu dejjem nibbażaw id-deċiżjonijiet li nieħdu fuq ir-realtà tan-nies.
Żgur li se jkollok pressjoni li ħaddieħor ma kellux għax it-talbiet li kont tagħmel meta kont attivist kontra l-faqar, issa trid twieġeb għalihom int fil-qasam tal-housing.
Kif se tibbilanċja?
Jiena li ġej minn organizzazzjoni mhux governattiva, ma nħarisx lejn dawn it-talbiet bħala pressjoni iżda bħala opportunità ta’ diskussjoni aktar b’saħħitha. Nemmen li l-Awtorità tad-Djar għandha taħdem id f’id ma’ organizzazzjonijiet u attivisti li ta’ kuljum qed jaħdmu ma’ dawn il-persuni vulnerabbli u qed iħabbtu l-bieb tal-Awtorità tad-Djar.