Aktar kmieni dalgħodu, d-Direttorat tal-Konformità u l-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) reġa’ lura f’sit f’Ta’Qali fejn f’Novembru li għadda kien poġġa blokki tal-konkos biex jagħlaq l-aċċess fejn kien qed isir rimi illegali.
Bl-għajnuna ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija, l-Awtorità reġgħet ħadet azzjoni u bdiet tneħħi l-materjal mormi illegalment. L-għalqa, li tinsab fi Vjal l-Istadium Nazzjonali biswit il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali ġiet soġġetta għal depożitu illegali persistenti ta’ materjal. Lura f’Ġunju tal-2016, il-persuni responsabbli għar-rimi illegali ġew mogħtija avviż ta’ infurzar, u ftit wara li l-Awtorità kienet daħlet biex tneħħi l-materjal depożitat illegalment.
F’April tal-2020, l-Awtorità ħarġet avviż ieħor ta’ infurzar għal ksur simili. L-Awtorità kienet imbagħad ipproċediet b’azzjoni diretta parzjali f’Lulju tal-2021, li matulha ġie nnotifikat ukoll ksur ta’ avviż lill persuni li wettqu l-illegalità. Wara l-azzjoni ta’ Novembru li għadda sabiex jingħalaq l-aċċess biex jiġi evitat aktar rimi illegali, aktar milli kkooperaw mal-Awtorità biex titneħħa l-illegalità fuq il-post, il-persuni responsabbli reġgħu kisru l-istruzzjonijiet tal-Awtorità u ddepożitaw aktar kwantitajiet konsiderevoli ta’ materjal fuq art li tinħadem. Is-sit huwa suġġett għal avviż ta’ infurzar u ksur ta’ avviż, it-tnejn li huma jġorru penali ta’ kuljum li, sal-lum, jammontaw għal aktar minn €87,000, u għadhom qed jakkumulaw.
Minħabba l-firxa tas-sit, ‘l fuq minn aktar minn 13,000m2 , u x-xogħlijiet sostanzjali ta’ tindif li jeħtieġ li jsiru biex l-art terġa’ lura għall-istat oriġinali tagħha bħala art agrikola, l-operazzjoni mistennija tkompli fil-jiem li ġejjin. L-azzjoni diretta qed titwettaq mill-Awtorità tal-Ippjanar bi spejjeż kollha ta’ min jikser il-liġi.