Is-Sibt filgħodu tnediet konsultazzjoni pubblika li se twassal għat-twaqqif ta’ Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti.
Din l-awtorità se tkun qed tiġġieled kontra d-doping u l-korruzzjoni fl-isport, issaħħaħ l-integrità u anki tiġbor fiha r-reġistru sportiv ta’ pajjiżna.
F’Ta’ Qali, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima, saħaq kif l-awtorità l-ġdida mistennija tirregola u ssaħħaħ il-qasam tal-isport f’pajjiżna.
Fil-preżenza ta’ diversi msieħba fil-qasam sportiv, ġie spjegat li fost il-funzjonijiet li se jkollha din l-awtorità hemm, li jsiru aktar testijiet tad-doping fuq atleti u sportivi, tinħoloq il-unit tal-integrità b’membri minn SportMalta, mill-Korp tal-Pulizija, mill-Awtorità Maltija tal-Gaming u l-Kumitat Olimpiku Malti kif ukoll tingħata lura l-kredibilità lil ċerti dixxiplini li ħadu daqqa fir-reputazzjoni minħabba stejjer dwar xiri ta’ logħob.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Football, Bjorn Vassallo spjega kif l-MFA kienet minn ta’ quddiem biex taħdem għat-twaqqif ta’ din l-Awtorità.
Qal kif, “Bħala MFA konna minn ta’ quddiem nett illi għafasna permezz ta’ kumitat li kien sar biex propju l-imsieħba kollha jpoġġu madwar mejda fuq tlett elementi kruċjali. Dawk li huma l-prevenzzjoni u l-edukazzjoni, dik li hija tibdil fil-liġi u regolatorju u dak li finalment huwa aktar poteri fl-investigazzjonijiet u dak li se jseħħ b’din l-awtorità.”
Fost il-proposti mressqa mis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima hemm li kull għaqda sportiva tingħata ċertifikat ta’ integrità darba f’sena.
Biex dan iseħħ, l-għaqdiet iridu jżommu ma’ ċertu regoli.
Spjega, “Dan kollu qed isir għax aħna bħala Gvern u pajjiż għandna nħallu l-legat f’dan is-settur. Dan jista’ jitħalla biss permezz ta’ strutturi serji u li huma funzjonabli u li qegħdin hemmek biex ikunu ta’ spalla għall-Assoċjazzjonijiet sportivi, u l-atleti tagħna.”
Din l-awtorità se tiskrutinizza l-uffiċjali li jikkontrollaw it-testijiet tad-demm u tassigura li l-għaqdiet sportivi jkollhom pjan biex jipprevjenu, jirrapurtaw, jinvestigaw u jipproċedu kontra każi ta’ xiri ta’ logħob.