EquestriMalta, hija l-awtorità l-ġdida li se tkun responsabbli mill-isport taż-żwiemel f’pajjiżna. L-għan ewlieni ta’ din l-awtorità hija li tara l-isport ikompli jikber u jsir ferm aktar professjonali. Filwaqt li se tassigura li l-operatur li se jkun qed jieħu ħsieb il-bini mill-ġdid tal-korsa taż-żwiemel tkun skont l-istandards internazzjonali indikati fil-kuntratt maħruġ mill-Gvern.
Il-Konsulent Sportiv fi ħdan is-Sgretarjat Parlamentari għall-Isport, Chris Bonnett qal li permezz ta’ EquestriMalta, se ssir enfasi kbira fuq id-dixxiplina, doping u anke fuq il-mod kif isiru t-tiġrijiet.
Huwa qal: “lllum hemm il-Malta Racing Club, din ħa tevolvi f’EquestriMalta illi ħa tara illi l-isport ikompli jikber u jsir aktar professjonali, ma ninsewx ukoll illi l-Polo u l-Equestrian sport se jkunu wkoll parti minn din l-awtorità biex naraw illi l-isport taż-żwiemel f’Malta kollu jsir b’mod tajjeb u barra minn hekk ikun hemm protezzjoni xierqa tal-annimali li jieħdu sehem f’dan l-isport.”
Din l-awtorità kienet mistennija wkoll minn sidien taż-żwiemel li għandhom tant għal qalbhom dan l-isport.
Stephen Ciangura, li huwa dilettant taż-żwiemel stqarr: “Bis-saħħa tal-Awtorità, anke l-owner, li l-owner ma kellux smigħ qabel ġewwa l-Malta Racing Club. L-owner qatt ma nstema’ xejn, qatt ma smajna xejn, l-owner ma kellu saħħa ta’ xejn. B’din l-awtorità ħa jkollu s-saħħa li jitkellem u mmexxu ‘l quddiem fuqhom dawn l-affarijiet.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima spjega li permezz ta’ din l-awtorità l-isport taż-żwiemel ġewwa pajjiżna mistenni jilħaq livelli ogħla.
Huwa sostna: “Ħa nkunu qegħdin naraw li nitfgħu l-pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali ta’ dan l-isport u iva nkunu nistgħu finalment nattiraw anke turiżmu sportiv ta’ kwalità lejn pajjiżna.”