Awstrijak ta’ 55 sena weġġa’ gravi wara li ntlaqat minn karozza fil-Furjana.
L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għal xi t-tmienja u nofs ta’ filgħodu fi Triq Sa Maison.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-Awstrijak intlaqat minn Toyota Auris misjuqa minn Taljan ta’ 49 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet il-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
Aktar tard, ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.