Il-Ħamis filgħaxija, il-Parlament Awstrijak approva li minn Frar li ġej, it-tilqim se jsir mandatorju għal dawk iċ-ċittadini kollha ‘l fuq minn 18-il sena.
Dan hekk kif fil-Parlament Awstrijak 137 membru vvutaw favur, waqt li 33 ivvutaw kontra.
Uffiċjali tal-Gvern f’dan il-pajjiż qalu li l-vaċċin se jsir mandatorju, hekk kif ir-rata ta’ vaċċinazzjoni hija baxxa.
Minn xahar wara li tidħol fis-seħħ din il-liġi, jiġifieri mill-bidu ta’ Marzu, dawk il-persuni li ma jurux li huma mlaqqma se jeħlu multa ta’ €600, li tista’ titla’ sa €3,600.
F’din il-liġi hemm xi eżenzjonijiet, fosthom għan-nisa tqal, dawk li ma jistgħux joħoduha minħabba kundizzjoni medika u dawk li fiequ mill-virus fl-aħħar sitt xhur.