Awstraljan wieġeb ħati u ammetta li ħataf lil Cleo Smith, tifla ta’ erba’ snin, u żammha f’daru għal tmintax-il ġurnata.
Cleo sparixxiet mit-tinda ta’ familtha f’Ottubru li għadda waqt li kienu qed jikkampjaw fil-Punent tal-Awstralja.
Fi tfittxija mifruxa mal-kontinent, il-Pulizija sabu liċ-ċkejkna fid-dar ta’ raġel f’Carnarvon, ftit ’il bogħod minn fejn kienet ma’ familtha.
Terence Darrell Kelly, ta’ sitta u tletin sena, ammetta li seraq lit-tifla.
Huwa baqa’ jinżamm arrestat sakemm jaffaċċja l-Qorti Distrettwali ta’ Perth f’Marzu u mistenni jingħata sentenza aktar tard.
Il-midja Awstraljana rrappurtat li t-tweġiba bħala “ħati” tal-akkużat kienet sorpriża għaliex ħafna stennew li l-proċess legali f’dan il-każ ikun twil.
Ir-raġel kien ilu jinżamm f’ħabs f’Perth mill-ħamsa ta’ Novembru; jumejn wara li l-Pulizija daħlu f’daru li kienet imsakkra u sabu lit-tifla ġewwa.