Żewġ uffiċjali tal-pulizija u membru tal-pubbliku nqatlu b’tiri fi proprjetà remota fi Queensland, l-Awstralja.
L-uffiċjali kienu qed iwieġbu għal rapporti ta’ persuna nieqsa f’Wieambilla – 270km fil-punent ta’ Brisbane. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Pulizija kkonfermat li dawk li wettqu l-attak għadhom ma nqabdux. Għalhekk, ir-residenti huma mwissija biex jibqgħu ġewwa “sakemm ikun hemm avviż ieħor”.
Katarina Carroll, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Queensland, qalet li erba’ uffiċjali tal-pulizija marrru fil-proprjetà. Apparti t-tnejn maqtula, wieħed intlaqat ħafif, filwaqt li ieħor ħarab mill-proprjetà. It-tnejn li huma qed jirċievu kura fl-isptar.
L-operazzjoni tal-forzi tal-ordni biex jinstabu l-ħatja tinvolvi appoġġ mill-ajru lill-pulizija u forzi speċjalizzati. Din hija l-akbar telf ta’ ħajjiet f’inċident wieħed li jinvolvi l-Pulizija f’dawn l-aħħar żminijiet. Carroll tat ġieħ lill-uffiċjali tal-pulizija li “ħallsu l-ikbar sagrifiċċju biex iżommu l-komunità sigura”.