Tliet awli u waħda f’Għawdex issa huma atrezzati sabiex fejn ikun hemm bżonn xhieda jew partijiet ikkonċernati fil-kawża ikunu jistgħu jinstemgħu b’mod awdjo-viżwali mingħajr ma jkunu fiżikament preżenti fil-bini u fl-awli tal-Qorti. Dan filwaqt li hemm il-mira li sal-aħħar tas-sena 2021 jiżdiedu ħames awli oħra li ser ikunu attrezzati b’dan il-mod.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis spjega kif bil-firma tal-president tar-Repubblika l-bieraħ fuq l-Att 53 tal-2020, inħoloq qafas regolatorju għall-użu ta’ din is-sistema virtwali fil-proċeduri tal-qrati.
Stqarr li huwa importanti li wieħed ma jibżax jabbraċċja din is-sistema l-ġdida fix-xogħol tal-Qrati. Dan filwaqt li din is-sistema ser tiffaċilità l-aċċess għall-ġustizzja u l-prinċipju li l-ġustizzja tintlaħaq b’effiċjenza u f’inqas żmien.
Il-Ministru Zammit Lewis stqarr: “Ħa nkomplu ninvestu, ser ikun hemm ħames awli oħra li ser ikunu ‘fully digitised’ bl-objettiv ‘long term’ li jkollna l-awli kollha ‘fully digitised’. Dan ser iwassal għal inqas spejjeż, amministrazzjoni aħjar tal-ġustizzja, ġustizzja iktar effiċjenti, aħjar u aċċessibli għaċ-ċittadin.”
Id-Direttur tal-Qrati, Frank Mercieca spjega kif dan huwa pass kbir ‘il quddiem għall-qrati f’pajjiżna fejn ser jgħin li l-proċeduri jimxu b’mod spedit. Spjega kif filwaqt li l-pandemija ħarġet iktar biċ-ċar l-importanza ta’ dawn is-sistemi u l-użu tagħhom fil-qasam ġudizjarju, din l-infrastruttura teknoloġika ser tħalli l-frott anke wara li pajjiżna joħroġ mill-pandemija.
Dan il-proġett sab it-tifħir ukoll tal-President tal-Kamra tal-Avukati, Louise De Gabriele u l-Imħallef Francesco Depascuale li saħqu kif din hija t-triq ‘il quddiem hekk kif il-proċeduri ser ikunu jistgħu jitmexxew b’mod iżjed spedit mingħajr il-bżonn li ċertu xhieda jkunu preżenti fiżikament fl-awla.