Fix-xhur li ġejjin se jsir investiment fis-servizz tal-ġudikatura, b’mod speċjali biex jitnaqqas l-għadd ta’ ġurijiet pendenti quddiem il-Qrati Maltin.
Bħalissa hemm tmenin ġuri pendenti. Madanakollu, il-proċedura legali attwali tippermetti li ħmistax biss minn dawn jistgħu jsiru fl-immedjat.
Minn dawn il-ħmistax-il ġuri, tmienja huma diġà appuntati filwaqt li s-sebgħa l-oħra qegħdin jistennew li jiġu skedati.
L-aktar raġuni komuni għaliex ġuri jibqa’ pendenti hija l-eċċezzjonijiet jew proċeduri kostituzzjonali li jwaqqfu l-ġuri milli jkompli javvanza.
Ir-reati jew l-akkużi l-aktar komuni fost il-ġurijiet pendenti kollha jinkludu dawk marbuta mad-droga jew mat-traffikar tagħha, u omiċidji.
Fil-fatt, huma erbgħa u tletin il-ġurijiet li għandhom rabta ma’ reati ta’ droga, sbatax b’rabta ma’ omiċidji, u ħdax ma’ traffikar ta’ droga.
Kemm ġuri ilu pendenti jvarja, bi tlieta li ilhom mill-2008, filwaqt li l-aktar ġurijiet pendenti huma b’rabta ma’ reati jew akkużi fl-2021, bi ħmistax-il ġuri.
Il-maġġoranza assoluta tal-ġurijiet jirrigwardaw Maltin.
Dwar din l-istatistika, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li s-sitwazzjoni preżenti trid tiġi indirizzata ħolistikament, fid-dawl tal-fatt li mistennija aktar riformi fil-qasam ġudizzjarju.
Il-Ministru Attard stqarr, “Naraw illi dawk li huma riformi li qegħdin naħdmu fuqhom l-effett tagħhom se jwassal biex inkunu f’ċirkostanzi u jkollna l-abbiltà kollha neċessarja biex nipproċessaw, u ma nħallux in-numri jkompli jakkumulaw.”
Attard spjega wkoll li l-qasam ġudizzjarju ta’ pajjiżna għandu aspettativa għolja għal ġejjieni, b’mod partikolari fejn jidħol id-dewmien tal-proċeduri.
Fil-binja tal-Qorti, il-Belt, bħalissa għaddej xogħol infrastrutturali sabiex il-Qorti jkolli l-kapaċità jilqa’ żewġ ġurijiet f’daqqa.
Fix-xhur li ġejjin, se tinħoloq awla oħra adattata b’mod partikolari għall-ġurijiet minħabba li dawn huma differenti minn awli oħra. Dwar dan tispjega Eunice Grech Fiorini, li hija l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti.
Grech Fiorini qalet, “Mal-periti għamilna pjanta tal-awla b’dan is-setup kollu biex, kif din tkun lesta, il-ġurijiet jistgħu jsiru tnejn f’daqqa. M’għandniex għalfejn Imħallef jieħu l-bidu tax-xahar u l-Imħallef l-ieħor jieħu n-nofs tax-xahar l-ieħor u, jekk ikun hemm overlap – għax ġuri jdum – ħa jkollna problema aħna, fejn ħa nsibulhom post biex jaħdmu. Allura hekk inkunu qed insolvu dik il-problema u kull Imħallef ikun jista’ jagħmel aktar minn ġuri wieħed f’xahar.”
Din l-awla mistennija tkun lesta sal-aħħar ta’ din is-sena.