Ftit tas-sigħat qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi, fejn il-Prim Ministru Malti ġie mistieden tal-President Franċiż Emmanuel Macron u l-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach, Dr Abela ltaqa’ u tkellem mal-atleti li qed jirrappreżentaw lil pajjiżna f’dan il-logħob f’Pariġi u awguralhom għal din l-esperjenza unika.
Fil-“villaġġ tal-atleti”, il-Prim Ministru qal li l-appoġġ tal-Gvern fl-isport se jibqa’ għaddej b’mod b’saħħtu, inkluż b’investiment fl-atleti nfushom u fl-infrastruttura sportiva ta’ pajjiżna.
It-tim Malti f’dawn l-Olimpjadi hu kompost mill-atleti Katryna Esposito, Beppe Grillo, Kyle Micallef, Sasha Gatt u Gianluca Chetcuti. Chetcuti u Gatt se jġorru l-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ dawn il-Logħob li se ssir il-Ġimgħa filgħaxija.