L-Awditur ta’ Darren Debono, Christopher Baldacchino, inżamm arrestat wara li t-Tnejn filgħodu tressaq il-Qorti mixli b’reati ta’ ħasil ta’ flus.
Baldacchino kien fost l-għaxar persuni arrestati fl-24 ta’ Novembru li għadda mill-Pulizija, b’rabta ma’ allegat involviment f’ċirku ta’ kuntrabandu tal-fjuwil stmat li jammonta għal-€30 miljun.
Fil-lejl ta’ qabel u dakinhar stess kienu saru numru ta’ rejds madwar Malta li fihom ġew arrestati ukoll l-eks plejers tal-futbol, Darren Debono u Jeffrey Chetcuti.
Chetcuti u Debono huma mixlija b’każ li qed jiġi deskritt bħala l-akbar reat tax-xorta tiegħu u li jinvolvi l-ħasil ta’ miljuni ta’ ewro.
F’filmat li ilu jiċċirkola fuq YouTube il-plejer Jeffrey Chetcuti kien tkellem dwar il-ħbiberija tiegħu ma’ David Casa.
Intant quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Antoine Naudi ma kkontestatx il-validità tal-arrest.
Meta mistoqsi x’iwieġeb għall-akkużi miġjuba kontrih, Christopher Baldacchino ta’ 51 sena mis-Swieqi wieġeb mhux ħati li kien il-moħħ wara dan il-każ ta’ ħasil ta’ flus għal organizzazzjoni kriminali
Dwar il-ħtija fuq il-kumpanija Acqua Chiara Holdings Limited l-imputat permezz tal-Avukat tiegħu ddikjara li hu mhux ser jirrispondi għax mhuwiex Direttur ta’ din il-kumpanija.
Għan-nom tal-kumpanija JBJ Holdings Limited hawnhekk l-imputat wieġeb mhux ħati.
Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll għal ordni ta’ qbid u ffriżar tal-assi.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni u tenniet li din se tiġi kkomunikata mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA.
Il-Qorti laqgħet ukoll talba tal-Proskeuzzjoni li jsir stħarriġ mid-direttur tal-irkupru tal-uffiċċju tal-assi sabiex jiġi aċċertat fejn huma l-flejjes u l-proprjetà tal-imputat.
Kien hawn li d-Difiża talbet sabiex Baldacchino jingħata l-ħelsien mill-arrest madankollu l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li dawn huma reati serji ħafna u għad hemm xhieda pajżana x’jixhdu.