Partijiet minn Triq Belt il-Ħażna, il-Marsa, ser ikunu magħluqin għat-traffiku bejn nhar l-Erbgħa 19 ta’ April u nhar il-Ġimgħa 21 ta’ April 2017.
Nhar l-Erbgħa, il-karreġġjati li jagħtu lejn in-nofsinhar biswit il-Marsa North Distribution Centre ta’ Enemalta plc, mill-inħawi tal-Menqa għal ħdejn Is-Salib tal-Marsa, ser ikunu magħluqin bejn id-disgħa u nofs ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ wara nofsinhar. Bejn it-tlieta ta’ waranofsinhar u l-għada l-Ħamis fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu, ser jingħalqu l-karreġġjati tal-istess parti tat-triq li jagħtu lejn in-naħa l-oħra, mis-Salib tal-Marsa lejn il-Menqa. Mid-disgħa u nofs ta’ filgħodu tal-Ħamis sal-għada fl-istess ħin, din il-parti tat-triq ser tkun magħluqa miż-żewġ naħat.
Pulizija tat-traffiku ser ikunu fil-post il-ħin kollu sabiex jiggwidaw lis-sewwieqa.
Filwaqt li tirringrazzja lill-pubbliku għall-koperazzjoni, u lill-Pulizija, lil Transport Malta u lill-Kunsill Lokali Marsa għall-għajnuna tagħhom, Enemalta plc fi stqarrija qalet li jiddispjaċiha għal kull inkonvenjent.