Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika jinforma lill-pubbliku li wara informazzjoni li rċieva mill-kumpanija involuta, il-prodott imsemmi fit-tabella hawn taħt m’għandux jiġi kkunsmat minħabba l-possibilità ta’ kristalli tal-melħ imsejħa struvite.
Dawn il-kristalli jiffurmaw b’mod naturali waqt il-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħut fil-laned minħabba reazzjoni bejn il-proteini fil-prodott u l-ilma baħar. Dawn il-kristalli jistgħu jidhru qishom biċċiet tal-ħġieġ u jistgħu jkunu l-kawża ta’ xi grif.
Isem tal-Prodott: | Klamari fiż-żejt bit-togħma ta’ tewm jew ta’ paprika |
Deskrizzjoni tal-maħfen: | Landa |
Ditta: | Sol & Mar |
Data tad-Durabilità: | 31.12.2023 |
Il-kumpanija involuta ddikjarat li parti mill-konsenja laħqet inbiegħet, għaldaqstant id-Direttorat hu obbligat li jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku.
Għal aktar informazzjoni l-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq in-numru tat-telefon 2133 7333 mit-8:00 ta’ filgħodu sas-2:30 ta’ waranofsinhar jew jibgħat email fuq mhi@gov.mt.
Il-pubbliku jista’ wkoll jirrikorri personalment fl-uffiċċju tal-istess Direttorat li jinsab f’Continental Business Centre, Old Railway Track, Santa Venera. Il-pubbliku hu ġentilment mitlub iżur il-paġna tad-Direttorat fuq Facebook https://www.facebook.com/pages/Environmental-Health-Directorate-Malta/145027878928626?ref=hl jew is-sit uffiċjali fuq http://health.gov.mt/en/environmental/Pages/Home-Page.aspx għal informazzjoni simili.