Il-Bank of Valletta fakkar lill-klijenti tiegħu li l-Bank qatt ma jitlob informazzjoni personali dwar il-klijenti bħall-kredenzjali tal-login tat-24×7, PINs jew dettalji tal-karti tal-kreditu permezz ta’ xi forma ta’ komunikazzjoni bħall-posta elettronika, it-telefon jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.
Il-Bank huwa konxju minn “phishing scams”, li allegatament joriġinaw mill-Bank innifsu jew minn kumpaniji oħra ta’ fama li jippruvaw jiksbu informazzjoni ta’ valur bħan-numri tal-karti tal-kreditu jew tal-kontijiet, passwords u dettalji tal-login għas-servizzi 24×7 tal-Bank, li lkoll jistgħu jintużaw biex titwettaq frodi.
BOV wissa lill-klijenti biex ikunu dejjem viġilanti kontra dawn l-iscams li jfittxu li jikkonvinċuhom biex jagħtu din l-informazzjoni lil parti terza. Dawn l-iscams, l-aktar bit-telefon jew bil-posta elettronika, xi kultant isostnu li hemm xi problema bil-kontijiet tal-klijent u li l-informazzjoni mitluba hija meħtieġa biex jiġu emendati dawn il-problemi.
Il-klijenti, fakkar il-bank, għandu dejjem ikunu viġilanti u josservaw il-prekawzjonijiet standard dwar is-sigurtà tal-informazzjoni. Jekk taħseb li inti tinsab fil-mira ta’ xi waħda minn dawn l-iscams, nagħtuk il-parir li twaqqaf il-komunikazzjoni kollha mal-allegat frodist u tikkuntattja l-Customer Service Centre tal-Bank fuq 2131 2020.