Tnieda avviż legali li joffri protezzjoni lill-vjaġġaturi f’każ ta’ falliment ta’ kumpanija jew aġent tal-ivvjaġġar liċenżjat ma’ l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fakkar li preżentament vjaġġatur prospettiv li jkun xtara xi forma ta’ package travel minn aġent tal-ivjaġġar, mhuwiex protett taħt il-liġi Maltija.
Din il-leġiżlazzjoni kienet ilha pendenti mill-2009. “Għalkemm fallimenti fis-settur tal-ivvjaġġar f’Malta huma rari, l-każ ta’ dik l-aġenżija tal-ivjaġġar li kienet iddikjarat falluta fl-2013, ħalliet numru ta’ vjaġġaturi esposti għal telf ta’ flus, u dan l-inċident qajjem tħassib fost il-konsumaturi lokali, kif ukoll issottolinja l-importanza ta’ twaqqif ta’ din ligi biex tagħmel tajjeb għal din l-eventwalita”.
Fi kliem il-Ministru Zammit Lewis, din il-forma ta’ protezzjoni għal konsumatur hija kkunsidrata aktar importanti fl-isfond taż-żidiet sinifikanti fi vjaġġar barra minn pajjiżna. “Fil-fatt, is-sena li għaddiet rajna żieda ta’ kważi 10% fuq is-sena preċedenti, bin-numru jilħaq kwazi 430,000. Aktar sinifikanti kien ir-riżultat ta’ l-ewwel kwart ta’ din is-sena, fejn skond l-Uffiċju tal-Istatistika Nazzjonli, huwa stmat li 103,500 ruħ siefru barra minn Malta, jiġifieri żieda ta’ 33% fuq s-sena l-oħra”.
Dan l-avviż legali se jobbliga lill-aġenti tal-ivvjaġġar biex jipprovdu sigurtà b’ kontribuzzjonijet li jridu jsiru għal fond li ser jagħmel tajjeb għar-rifużjoni tal-ħlasijiet kollha magħmula minn, jew f’isem vjaġġaturi, għal servizzi mhux provduti f’kaz ta’ falliment ta’ kumpanija jew l-aġent tal-ivjaġġar. Dan il-fond se jkopri wkoll spejjez konnessi mar-ripatrijazzjoni ta’ vjaġġaturi meta dawn jinqabdu barra minn pajjiżna.
Dan kollu ha jsir skont obbligi li joħorgu minn direttiva ta’ l-Unjoni Ewropeja, kompla jispjega l-Ministru għat-Turiżmu.
Il-Ministru kompla jgħid li dan l-avviż legali huwa parti minn riforma komprensiva tal-liġijiet kollha li jirregolaw l-operat tat-turiżmu kif diġa ġie mħabbar, u li ġew imnedija għall-konsultazzjoni pubblika aktar kmieni din is-sena. It-tfassil ta’ dan l-avviz legali sar matul l-aħħar sittax-il xahar flimkien mal-FATTA, li kkontribwixxiet b’mod sħiħ biex dan l-Avviż seta jiġi konkluz. Dan l-avviż prinċipalment jinvolvi aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jbiegħu jew jorganizzaw dak li huwa magħruf bħala package travel kif definit skont il-ligi.
Fil-proċess ta’ tfassil ta’ dan l-avviż, il-Ministeru għat-Turiżmu, flimkien mal-FATTA, ħares lejn mudelli Ewropej varji li setgħu jkunu adottati f’Malta. “Kien importanti li jitfassal mudell ibbazat fuq l-andament tal-kummerċ lokali, u li jinstab skema li tpoġġi l-anqas piż fuq l-operaturi filwaqt li tissodisfa il-parametri stabbiliti mid-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropeja f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Konsiderazzjoni oħra importanti f’dan il-proċess kien evalwazzjoni bir-reqqa tal-livell tar-riskju li aġenti tal-ivjaġġar f’Malta jistgħu jkunu esposti”.