Skont l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, f’Malta u Għawdex għandna dawk li huma magħrufa bħala Arei ta’ Reġistrazzjoni. Dawn l-Arei ta’ Reġistrazzjoni jinkludu, kull żona fil-Gżejjer Maltin iddikjarata mill-ministru responsabbli mill-artijiet bħala tali u kull żona oħra li jew ġiet reġistrata permezz ta’ xi ordni jew liġi oħra, jew li tkun ġiet irreġistrata mir-Reġistratur tal-Artijiet. L-Att Dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Artijiet jobbliga li kull trasferiment li jseħħ fuq propjetà li tinsab f’dawn iż-żoni għandu jkun irreġistrat fir-Reġistru ta’ l-Artijiet.
L-għan ewlieni ta’ dan l-avviż legali huwa li jikkjarifika b’mod ċar l-interpretazzjoni tal-Artiklu 10(2) fl-Att Dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Artijiet, Kapitlu 296.
Għal tul ta’ żmien, l-Artiklu 10 kien jiġi interpretat li hu applikabbli skont it-tip ta’ titlu li jkun irreġistrat, jiġifieri, jekk il-Gvern jew l-Uffiċċju Konġunt ikunx irreġistra d-Dirett Dominju allura l-obbligu ta’ reġistrazzjoni kien biss meta jkun hemm trasferiment tad-Dirett Dominju. (Dirett Dominju huwa is-sid taċ-ċens filwaqt li l-Utili Dominju huwa dak li huwa obbligat iħallas iċ-Ċens).
L-Avviż Legali qiegħed jikkjarifika u jagħmilha ċara li meta ssir talba għar-reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe titlu (sew jekk Dirett Dominju sew jekk Utili Dominju) fuq żona jew propjetà li sa dakinhar ma tkunx taqa’ f’Area ta’ Reġistrazzjoni u din tkun aċċettata mir-Reġistratur, din ir-reġistrazzjoni awtomatikament ser twassal il-propjetà rreġistrata għal waħda ta’ Area ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja anke meta jkun hemm trasferiment tal-Utili Dominju.
Inħasset il-ħtieġa li dak li kien prassi sa mill-31 ta’ Marzu 2022, issa permezz ta’ dan l-avviż legali qiegħda tkun ikkjarifikata l-pożizzjoni legali f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Għalhekk dan l-avviż legali qed jistabbilixxi li kwalunkwe proprjetà li sal-31 Marzu 2022 kienet tinsab ’il barra minn żona ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja iżda kienet reġistrata bi kwalunkwe titlu fir-Reġistru tal-Artijiet allura dik għandha titqies li hi Area ta’ Registrazzjoni Obbligatorja bl-obbligu ta’ reġistrazzjoni b’effett mill-31 ta’ Marzu 2022. Kull kuntratt li jkun sar qabel il-31 ta’ Marzu 2022 jista’ jidħol b’mod volontarju hekk kif dejjem sar.
Regoli 4 (1) u 4 (2) tal-Avviż Legali jipprovdu kjarezza għal meta r-Reġistratur tal-Artijiet għandu jikkunsidra li jilqa’ reġistrazzjoni b’mod volontarju mingħajr il-bżonn li jagħti l-kunsens tiegħu minn qabel. Dawn huma:
a. F’każ li t-talba ta’ reġistrazzjoni tolqot parti minn proprjetà li hija meqjusa unità waħda li ma taqax f’area ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja, għandha tiġi kkunsidrata għar-reġistrazzjoni volontarja.
b. F’każ li t-talba ta’ reġistrazzjoni tolqot propwrjetà li ma taqax f’area ta’ reġistrazzjoni iżda tgawdi drittijiet komuni li huma rreġistrati ma’ propjetà ta’ terzi, għandha tiġi kkunsidrata għar-reġistrazzjoni volontarja.