Kif diġà tħabbar, il-Kummissjoni Elettorali qegħda tqassam id-dokumenti għall-votazzjoni li fadal mill-Uffiċċju tagħha fin-Naxxar u, għall-votanti reġistrati f’Għawdex, mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, fir-Rabat, Għawdex.
Il-Kummissjoni Elettorali titlob il-kooperazzjoni tal-pubbliku biex:
- dawk il-votanti li ma jifilħux jimxu, jitwasslu b’karozza privata sal-Uffiċċju Elettorali, Eks-Trade Fair Grounds, in-Naxxar. Il-Kummissjoni Elettorali titlob li f’dawn il-każi, barra l-votant u x-xufier tal-karozza jkun hemm persuna oħra biex, wara li l-karozza twaqqaf viċin, din il-persuna tkun tista’ tidħol bl-ID Card tal-votant u turi lill-Kummissjonarji fejn tkun ipparkjata l-karozza bil-votant biex jingħatalu l-vot.
- l-istess servizz jingħata lill-votanti f’Għawdex li ma jkunux jifilħu joħorġu mill-karozza privata ħdejn l-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.
- Fejn hemm każi ta’ votanti anzjani jew morda li ma jistgħux jitwasslu biex jiġbru d-dokument, il-Kummissjonarji jagħmlu sforz biex iwassluhulom huma stess fid-djar. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Elettorali titlob li l-votanti nfushom jew xi qarib ta’ dawn il-votanti għandu jmur jew iċempel l-Uffiċċju Elettorali fuq 21411689/21411187/21412347 biex jagħti d-dettalji meħtieġa. Il-Kummissjoni Elettorali titlob il-kooperazzjoni tal-pubbliku biex jagħmel użu ta’ dan is-servizz biss fejn hu assolutament meħtieġ.
Il-Kummissjoni Elettorali fakkret ukoll li kull min irid jiġbor id-dokument għall-votazzjoni jrid bilfors jiġbor id-dokument personalment u billi jippreżenta l-Karta tal-Identità.
Mingħajr id-dokument għall-votazzjoni ħadd ma jkun jista’ jivvota nhar jum il-votazzjoni.