Il-Kummissjoni Elettorali qed tavża lil dawk il-persuni li isimhom jidher fir-Registru Elettorali ppubblikat fl-20 ta’ April, 2024, suġġett għaż-żidiet, tnaqqis jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Reviżur, u li ma rċevewx id-dokumenti għall-votazzjoni tagħhom, illi huma jistgħu jmorru personalment fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal jew fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali u jieħdu magħhom il-Karta tal-Identità biex jieħdu d-dokument/i għall-votazzjoni tagħhom f’dawn il-ġranet u ħinijiet:
Minn nhar is-Sibt it-18 ta’ Mejju, 2024 sal-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2024
bejn it-8.00 am u s-1.00 pm u bejn it-3.00 pm u d-9.00 pm;
Is-Sibt l-1 ta’ Ġunju, 2024: bejn it-8.00 am u l-10.00 pm;
Il-Ħadd it-2 ta’ Ġunju 2024: bejn it-8.00 am u s-12.00 pm.
Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar id-dokumenti jinġabru mill-Għassa tal-Qawra. Il-votanti reġistrati fuq Marsalforn għandhom jiġbru d-dokumenti tagħhom mill-Għassa ta’ Marsalforn.
Fil-lokalitajiet ta’ l-Imdina, is-Siġġiewi, Ħ’Attard, Ħad-Dingli, Il-Fontana, Il-Gżira, L-Għarb, Ħal Għargħur, L-Għasri, Il-Ħamrun, L-Iklin, Il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Il-Marsa, L-Imsida, Pembroke, Tal-Pieta’ Ir-Rabat (M), San Ġwann, San Lawrenz, Santa Luċija, Ta’ Xbiex, Ix-Xagħra u Ix-Xgħajra, id-dokumenti jinġabru mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali fl-istess ġranet u ħinijiet. Kull persuna trid turi l-Karta tal-Identita’. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat.
Kull votant għandu jkun żgur li jkollu d-dokument għall-votazzjoni għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota.