Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza għas-Saħħa Pubblika avża li, sakemm joħroġ avviż ieħor, mhux rakkomandat li jsir għawm taħt il-lukandi fil-viċinanzi tal-Ġonna ta’ Pembroke minħabba żbroff tad-drenaġġ li jaffettwa l-kwalità tal-ilma għall-għawm u jippreżenta riskju għas-saħħa tal-għawwiema.
Id-Dipartiment qal li qed issir investigazzjoni biex jiġi identifikat minn fejn qed ifur id-drenaġġ. Kemm se ddum il-kontaminazzjoni ma jistax jiġi mbassar f’dan l-istadju.
Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq 2133 7333 mis-7.30am sat-3.30pm jew jibgħat imejl fuq wrau.ehd@gov.mt u complaints.ehd@gov.mt. Il-pubbliku jista’ wkoll jirrikorri personalment fl-uffiċċju tal-istess Direttorat li jinsab fil-Continental Business Centre, Triq il-Ferrovija, Santa Venera.
Għall-informazzjoni l-pubbliku jista’ wkoll jaċċessa l-paġna tad-Direttorat fuq Facebook (http://www.facebook.com/pages/Environmental-Health-Directorate-Malta/145027878928626) jew iżur is-sit elettroniku https://healthservices.gov.mt/en/environmental/Health-Inspectorate/WRAU/Pages/Bathing-Water-Press-Releases.aspx.