Ġuvni ta’ 19-il sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-qorti akkużat li kellu x’jaqsam ma’ minorenni ta’ 14-il sena.
Fil-qorti ngħad li t-tfajla kienet tibgħat messaġġi lill-imputat fejn kienet tinstigah biex ikollu x’jaqsam magħha. Minkejja li dan kien jirrifjuta fejn saħansitra anke imblukkaha sabiex jevita milli jiġi fl-inkwiet, it-tfajla xorta baqgħat tiffittah.
L-Ispettur Joseph Busuttil qal li kien missier it-tfajla li rrapporta liż-żagħżugħ dwar l-avventura ta’ darba li kellu ma’ bintu. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ġiet imposta fuqu garanzija personali ta’ €5,000 u depożitu ta’ €2,000.