Avvenimenti prinċipali fil-kalendarju ta’ Hollywood qed ikunu posposti jew ikkanċellati hekk kif in-nirien ikomplu jaħkmu l-belt ta’ Los Angeles. Apparti minn nominazzjonijiet tal-Oscars u ċerimonji oħra, it-tnehdija tas-serje l-ġdida fuq Netflix ta’ Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex, kif ukoll iffilmjar ta’ diversi xows ġew posposti.
L-istaġun ta’ Hollywood fetaħ b’mod eċċellenti hekk kif saru l-Golden Globe Awards iżda ftit jiem wara x-xeni fit-toroq ta’ Los Angeles kienu kompletament differenti bin-nirien qerrieda li għadhom għaddejin s’issa. Id-djar ta’ diversi ċelebritajiet inkluż Paris Hilton u Billy Crystal kienu distrutti kompletament hekk kif stilel kbar oħra kienu evakwati ma’ eluf ta’ residenti.
Diversi premiers ta’ films inkluż il-biografija ta’ Robbie Williams Better Man u Unstoppable li tieħu sehem fih Jennifer Lopez ġew imħassra hekk kif bdew in-nirien u warajhom segwew diversi posponimenti u kanċellazzjonijiet ta’ avvenimenti importanti fil-kalendarju staġjonali tal-awards.
Ġiet imwaqqfa wkoll il-produzzjoni ta’ diversi programmi televiżivi.
Iċ-ċerimonja tal-awards tal-għażla tal-kritiċi kellha ssir fit-12 ta’ Jannar iżda issa ġiet posposta għas-26 ta’ Jannar. Dan ix-xow mistenni jsir fil-Banker Hangar ta’ Santa Monika Los Angeles u jkun trażmess dirett fuq l-istazzjon E!.
Għalkemm l-BAFTA awards isiru fir-Renju Unit, pero l-organizzaturi kull sena jkollhom avveniment networking fl-Istati Uniti qabel is-serata finali, iżda l-party ta’ din is-sena li kellu jsir fil-lukanda Four Seasons f’Beverly Hills fil-11 ta’ Jannar, kien ikkanċellat ftit ġranet qabel.
In-nominazzjonijiet għall-akbar ċerimonja tal-istaġun, l-Oscars, kellhom ikunu mħabbra jumejn oħra nhar is-17 ta’ Jannar, iżda għalkemm l-Akkademja kienet ħabbret li wisq probabbli din id-data tiċċaqlaq b’jumejn, ġimgħa wara kkonfermaw posponiment ieħor hekk kif issa jidher li dawn se jiġu mħabbra fit-23 ta’ Jannar. Apparti minn hekk is-serata tat-tħabbira se tkun waħda sempliċi u kwieta u tkun waħda virtwali hekk kif is-solitu networking lunch ġie kkanċellat. Jidher però li s-serata finali tal-Oscars xorta għadha skedata għat-2 ta’ Marzu.
In-nominazzjonijiet għar-Writers Guild of America li jippremjaw il-kitba ta’ scripts tal-films, televiżjoni, aħbarijiet, radju u oħrajn kellhom jitħabbru fid-9 ta’ Jannar u wara li kienu posposti għat-13 ta’ Jannar issa jidher li ma jafux meta se jsiru.
Sadanittant id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Los Angeles ta parir sabiex il-permessi ta’ ffilmjar, speċjalment fl-akwati ta’ Altadena, La Crescenta, La Canada Flintridge u partijiet ta’ Pasadena jkunu revokati. NBC Universal iddikjaraw li kienu ssospendew l-iffilmjar fuq ix-xows televiżivi Loot, Ted, Suits:LA, Happy’s Place u Hacks.
Ġew posposti għal data li għadha mhux imħabbra l-auditions ta’ America’s Got Talent u Beyoncé wkoll ipposponit it-tħabbira li kellha tagħmel fl-14 ta’ Jannar.