Is-sena elfejn erbgħa u għoxrin. Is-sena li Malta, għall-ewwel darba, se jkollha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa, l-OSCE.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, se jkun iċ-Chairperson-in-Office ta’ din l-organizzazzjoni, l-akbar waħda tax-xorta tagħha u li tkopri fiha sebgħa u ħamsin pajjiż mill-Ewropa, l-Amerka ta’ Fuq u l-Asja.
L-elfejn erbgħa u għoxrin se tkun it-tieni sena wkoll li Malta għandha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Malta għat-tieni darba se tmexxi dan l-ogħla organu fi ħdan il-Ġnus Magħquda f’April li ġej, wara li diġà kellha l-Presidenza fi Frar li għadda.
Sa April li ġej jispiċċa t-terminu tat-Tabib George Vella bħala l-għaxar President ta’ Malta u, minfloku, irid jinħatar xi ħadd ġdid. Għall-ewwel darba, b’riformi li saru riċentament, il-President issa jrid jiġi elett bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament, jiġifieri jrid ikun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
Is-Sibt 8 ta’ Ġunju li ġej, Malta tingħaqad mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, hekk kif dakinhar iċ-ċittadini Maltin se jkunu jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dakinhar ukoll f’pajjiżna se jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali, fejn hawnhekk jiġu eletti r-rappreżentanti fit-tmienja u sittin lokalità madwar pajjiżna.
Fl-Unjoni Ewropea, il-Belġju tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Dan filwaqt li, fis-sajf, jiġi determinat min se jkunu qed jokkupaw il-karigi ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew, hekk kif ikun għadda t-terminu ta’ ħames snin ta’ dawk li qed jokkupaw dawn il-pożizzjonijiet.
Dan ikun deċiż bejn il-mexxejja kollha tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Ma’ dawn pajjiżna jrid jagħżel ukoll Kummissarju Ewropew ġdid, li se jieħu post Dr Helena Dalli, li f’dan it-terminu serviet bħala l-Kummissarju responsabbl mill-Ugwaljanza.
F’Malta wkoll, bejn Marzu u Mejju, se tittella’ l-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art, li se jara t-trasformazzjoni ta’ wħud mis-siti storiċi l-aktar maħbubin f’pajjiżna jinbidlu f’palk għal ħolqien ta’ espressjonijiet artistiċi.
Mix-xena internazzjonali mistennija l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti, li mistennija li ssir nhar it-Tlieta 5 ta’ Novembru. It-taqtigħa mistennija terġa’ tkun bejn il-President attwali Joe Biden u l-eks President Donald Trump – l-istess żewġ kandidati li kien hemm fl-aħħar elezzjoni Presidenzjali.
Fix-xahar ta’ Marzu mistennija jsiru l-elezzjonijiet fir-Russja u fl-Ukrajna. Fir-Russja, il-President Vladimir Putin se jkun qed jerġa’ jikkontesta għal din il-kariga.
Fir-Renju Unit, sa nofs Diċembru jkun xolja l-Parlament, hekk kif l-elezzjoni f’dan il-pajjiż trid issir sa Jannar tal-elfejn ħamsa u għoxrin. Dan dejjem f’każ li l-elezzjoni ssir qabel Diċembru li ġej.
Mix-xena sportiva, f’Ġunju u Lulju tal-elfejn erbgħa u għoxrin se jsiru l-Kampjonati Ewropej tal-futbol, fil-Ġermanja. Dan filwaqt li bejn Lulju u Awwissu, se jsiru l-Olimpjadi, li se jsiru fil-kapitali ta’ Franza, Pariġi.