Fl-okkazzjoni tal-500 sena mit-twaqqif tal-Ordni tal-Kleriċi Regolari tat-Teatini, li San Gejtanu stess kien waqqaf, l-istatwa artistika tiegħu se tkun parti minn pellegrinaġġ li se jsir f’Ruma.
Lejliet il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, saret konferenza tal-aħbarijiet dwar dan l-avveniment speċjali, fejn preżenti kien hemm il-Ġeneral Padre Salvador Rodea Gonzalez, l-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, is-Sur Frank Zammit, l-Arċipriet Dun Walter Cauchi, Monsinjur Anton Portelli u rappreżentanti miż-żewġ baned tal-lokal.
Grupp ta’ 21 Ħamruniż se jkunu fil-Vatikan, fejn fil-bidu, il-vara ta’ San Gejtanu se tkun fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea della Valle u imbagħad wara jsir il-Pellegrinaġġ, minn hemm li jintemm fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan, bis-sehem ukoll taż-żewġ baned tal-paroċċa.
Il-vara ta’ San Gejtanu b’kollox se ddum xahar sħiħ f’Ruma, Settembru kollu u tkun lura Malta fil-bidu ta’ Ottubru fejn se jsiru ċelebrazzjonijiet li jfakkru din l-okkażjoni kbira u storika.
Tlabna lis-Sur George Sciberas, x’se tkun qed tfisser din il-mawra fil-Vatikan għal Ħamruniżi.
“Dan ifisser avveniment sabiħ, avveniment kbir li l-vara sejra Ruma u se tidħol fil-Vatikan. Anniversarju sabiħ. 500 sena minn mindu San Gejtanu għamel il-grupp tiegħu tat-Teatini. Aħna devoti kbar ta’ San Gejtanu, l-ewwel wieħed jiena, meta jiġi s-seba’ tax-xahar, dejjem niġi ninvistah, jien dejjem hawn ġew. Dan huwa avveniment uniku li se jibqa jitfakkar matul iż-żminijiet.”
Għall-Ħamruniżi, din is-sena hija waħda speċjali. Sena oħra importanti minn kullana ta’ anniversarji li qed ikunu ċċelebrati, marbuta mal-wirt kbir, li ħalla l-qaddis tal-providenza San Gejtanu.