Nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Novembru, mistenni jagħmel ir-ritorn tiegħu l-avveniment tal-kickboxing, Gladiators Fight Night bis-27 edizzjoni li ser issir ġewwa l-Grandmaster Suite, Hilton, San Ġiljan.
Mistenni lejl interessanti bi ftit aktar minn għoxrin taqbida li jvarjaw minn esebizzjonijiet sa livelli professjonali kemm tal-kickboxing kif ukoll dawk tal-boxing u l-K1.
Il-fightcard ta’ dan l-avveniment tinkludi ġlied ta’ boxing professjonali fejn Yannis Magro ser ikun qiegħed iħabbatha mal-avversarju Atopika Amagola mill-Ghana filwaqt li Christian Ċoqqos Schembri ser ikun qiegħed jiġġieled kontra Georgi Gujejiani mill-Ġeorġja.
Fil-kategorija tal-K1, Samuele Andolina ser ikun qiegħed jiġġieled mal-Marokkin, Hamada Azmani għat-titlu Internazzjonli fuq il-livell professjonal fil-kategorija tas-sebgħa u ħamsin kilogramm filwaqt li l-atleta rinomat Jesred Piscopo ser ikun qed iħabbatha mal-Marokkin, Ajoub Benadya għall-istess titlu din id-darba fil-kategorija tal-wieħed u sebgħin kilogramm.
Justin Pace ser ikun qiegħed jaffaċċja lill-Ispanjol, Damir Mohaned għat-titlu Ewropew Am/Pro fil-kategorija tal-wieħed u sittin kilogramm.
Apparti dawk imsemmija, mistennija jikkompetu diversi atleti oħrajn miċ-Ċili, l-Italja, ir-Rumanija U Franza.
Ma’ dawn ser jingħaqdu bosta atleti minn klabbs lokali fosthom Team Noel Kickboxing Club, Vikings Boxing Club, Fort Fitness, The New Kickboxing Club, Hard Knocks Boxing kif ukoll Club War Dogs.
Gladiators Fight Night 27 hija sanzjonata mill-assoċjazzjonijiet kollha meħtieġa – World Kickboxing Network, Malta Kickboxing Association u Malta Boxing Association.