Tilef ħajtu l-kelb Kaos li salva numru ta’ persuni mit-tifrik li ħalla t-terremot f’Amatrice, Norcia u Campotosto, dan wara li ġie avvelenat minn xi persuni. Kelliem għall-għaqda mhux governattiva Animalisti Italiani kiteb kif filwaqt li salva l-ħajjiet tal-bnedmin, kienet l-istess razza li qatlitu.
Spjega kif Kaos instab mejjet mis-sid li kien iħarrġu fil-ġardina f’Sant’Eusanio Forconese fil-provinċja ta’ L’Aquila.
Kaos wettaq ħafna xogħol matul ħajtu fejn salva bosta persuni minn taħt it-tifrik u ftit ilu sab raġel li kien irrapportat nieqes.
Kienu bosta li kitbu kif ma jistgħux jifhmu kif bniedem seta’ jagħmel att bħal dan hekk kif dan il-kelb kien mhux biss meqjus bħala eroj iżda saħansitra kien kelb li dejjem ħabb lill-proxxmu.