Għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet ta’ rinovar fiċ-Ċentru tal-Volontorjat fix-Xewkija, li, ladarba jkun lest, se jservi bħala one-stop-shop ta’ għajnuna u appoġġ lill-għaqdiet volontarji Għawdxin biex ikunu moqdijin b’faċilitajiet u riżorsi tal-ogħla livell.
Iċ-ċentru, li se jilqa’ wkoll lis-Servizzi Ewropej f’Malta, se jintuża wkoll mill-għaqdiet irreġistrati bħala organizzazzjonijiet volontarji fejn jistgħu jużaw dan l-ispazju biex jiltaqgħu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom.
Il-proġett għandu jkun lest fix-xhur li ġejjin u se jikkumplimenta t-tliet ċentri simili li diġà jaħdmu b’dan il-mod f’Malta, li jinsabu fil-Belt, fir-Rabat u f’Birkirkara.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, u l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, żaru l-post u segwew ix-xogħol li għaddej bħalissa.
Il-Ministru Farrugia Portelli stqarret li l-attiviżmu u l-volontarjat huma valuri importanti f’pajjiżna u dan il-proġett hu parti mit-twemmin tal-Gvern Laburista, tant li hu wegħda elettorali favur aktar appoġġ għall-għaqdiet volontarji.
“Dan se jkun ir-raba’ one-stop-shop fil-pajjiż, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex u hu ta’ sodisfazzjon li naraw li aktar minn 70% ta’ dawn ix-xogħlijiet huma lesti biex fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla niftħu dan il-proġett ukoll.”
Julia Farrugia Portelli – Ministru
Il-Ministru qalet li, fuq medda ta’ snin, il-Gvern investa madwar €14-il miljun fil-qasam tal-volontarjat. Żiedet li, permezz tas-sistema ta’ one-stop-shop, l-għaqdiet volontarji Għawdxin, li jiddependu minn bosta għajnuna għall-operat tagħhom, se jkunu jistgħu jinqdew taħt saqaf wieħed.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex spjega li dan iċ-ċentru qed jiġi rinovat mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Operat fil-Ministeru għal Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, biex ħidmet l-għaqdiet volontarji Għawdxin tkompli tiġi faċilitata.
“Qegħdin nagħmlu l-ewwel one-stop-shop proprju għal għaqdiet mhux governattivi, l-NGOs tagħna, biex ikunu jistgħu jkollhom premises minn fejn joperaw minnu.”
Clint Camilleri – Ministru
F’kumment waqt din iż-żjara, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li hu sabiħ li tara kollaborazzjoni bejn ministeri u entitajiet differenti li lkoll jaħdmu b’għan wieħed li jiġu mtejba kif ukoll jinħolqu servizzi li jgħinu lil min jiġi bżonnhom fil-qasam tal-volontarjat.