F’Santa Venera wasal fl-aħħar fażi tiegħu x-xogħol fuq l-ewwel kumpless li Hospice Malta se jkollha biex tagħti servizzi ta’ kura paljattiva – is-St Michael Hospice.
Il-binja l-ġdida, ta’ ħdax-il elf metru kwadru, se toffri kura paljattiva ċentralizzata f’ambjent tal-ogħla livell għall-pazjenti.
L-Arċisqof Charles Scicluna żar il-proprjetà, li qabel kienet l-Istitut Adelaide Cini, proprjetà li l-Knisja tat b’donazzjoni lill-Hospice Malta. Huwa ngħata spjegazzjoni dwar ix-xogħol estensiv li tlesta fl-aħħar xhur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Hospice Malta, Kenneth Delia, f’kumment ma’ ONE News qal li l-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
Qal, “Qed jitwaħħlu bibien, jingħadda d-dawl minn areas differenti, xogħol fuq il-liftijiet, xogħol ta’ kisi, ta’ tibjid. Il-pjan huwa li, kemm jista’ jkun, inlestu malajr fix-xhur li ġejjin.”
Fil-binja se jkun hemm sittax-il kamra, li fihom il-pazjenti jingħataw kura paljattiva mdawrin bil-qraba tagħhom. Il-proġett jinkludi wkoll Day Therapy Unit u klinika għall-Outpatients, li minnhom se jkunu offruti servizzi għal pazjenti bil-kanċer, kundizzjonijiet newroloġiċi u mard serju tal-qalb u tal-kliewi.
Kenneth Delia spjega fid-dettall dwar servizz ġdid li qatt ma ngħata qabel – l-in-patient area. Dan se jnaqqas milli pazjenti jkollhom imorru l-isptar Mater Dei.
Qal, “L-in-patient area huwa servizz ġdid. B’kollox se jkollna sittax-il sodda, li dawn jiġu allokati lil numru ta’ pazjenti matul is-sena għax qed nistennew li t-turnover ikun kbir. Pazjent jidħol hawnhekk bi kriterji ċari u jidħol għal ftit ġranet jew ġimgħat, l-iktar minn ġimgħa sa ġimagħtejn. Allura, pazjenti li jkollhom bżonn u li ma jistgħux jibqgħu d-dar imma ma jkollhomx bżonn jutilizzaw Mater Dei, ikunu jistgħu jutilizzaw hawnhekk u jinqdew mill-bżonnijet tagħhom hawnhekk.”
Kenneth Delia temm jgħid li s-servizz diġà qed jiġi offrut però minn dar ferm iżgħar. Issa iktar minn elf u erba mitt pazjent fis-sena se jkunu jistgħu jingħataw il-kura f’dar serena b’mod iktar effiċjenti.
Qal, “Id-diffikultà tal-kura paljattiva hija li trid tilħaq in-nies kemm jista’ jkun mill-ewwel, għax ikunu waslu forsi fi żminijiet lejn l-aħħar ta’ ħajjithom. Allura, aktar ma tilħaqhom malajr, iktar tista’ tgħin b’modi prattiċi, mhux biss psikoloġiċi u soċjali imma b’modi prattiċi ta’ equipment, ta’ servizz ta’ terapisti li jgħinu biex il-pazjent, fl-aħħar mill-aħħar, ikollu ħajja komda u ta’ kwalità aħjar.”