Ġew ppreżentati l-warrants lil mija u erba’ avukati u żewġ prokuraturi legali ġodda wara li wrew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni legali.
F’ċerimonja fil-Berġa t’Aragona, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, awgura lill-avukati u l-prokuraturi leġali ġodda, waqt li għamel apoloġija għad-dewmien li kellhom għal din il-preżentazzjoni.
Hu wkoll ta rendikont ta’ dak li wassal għal dan id-dewmien li sejjaħ bħala inaċċettabli.
Il-Ministru spjega li qatt ma seta’ jaċċetta mistoqsijiet li kienu parti mill-proċess li l-kumitat tal-avukati u l-prokuraturi legali kienu qed jistaqsu lil dawn il-persuni biex ikunu jistgħu jieħdu l-warrant.
Qal, “Kien hemm diverġenza fuq it-tip ta’ mistoqsijiet li ħa jiġu mistoqsija lill-applikanti, li tal-fehma tiegħi kienu invażivi, għax fost l-oħrajn kienu qed jistaqsu jekk għandhom diżabilità, jekk kellhomx problemi ta’ alkoħol. Jien għalija dawn kienu sitwazzjonijiet inaċċettabbli.”
Il-Ministru qal li, minbarra hekk, kien hemm tkaxkir tas-saqajn mill-kumitat fejn matul is-sajf lanqas sar l-ivvettjar fuq l-applikanti.
Il-Ministru fakkar li, f’Awwissu li għadda, bagħat ittra lil dan il-bord fejn insista li dan id-dewmien hu inaċċettabbli. Hawn żied jgħid li, bħala Ministeru, ġew offruti wkoll ir-riżorsi kollha biex ikunu jistgħu jassistu lil dan il-bord.
Hu qal ukoll li tali sitwazzjoni ma tistax tirrepeti ruħha. Għalhekk tenna li se jkun qed iressaq emendi legali li, fost l-oħrajn, jistabbilixxu terminu ġust ta’ meta jsir il-proċess tal-fit and proper mill-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali.
Qal, “Emendi legali li jipproponu l-fatt li jkun hemm termini stabbiliti fil-liġi ta’ meta għandu jitwettaq dan il-proċess u li jipprovdu wkoll – f’sitwazzjoni fejn ikun hemm deadlock – anti-deadlock biex ma jħallux dawn il-proċessi amministrattivi jxekklu jew jipprovokaw il-perkors professjonali.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja rringrazzja lil dawk preżenti li għażlu li, bil-ħiliet u l-għerf tagħhom, jidħlu għal professjoni li se tkompli ssaħħaħ il-ġustizzja f’pajjiżna.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, Dr Peter Fenech bħala President tal-Kamra tal-Avukati, u l-Prokuratur Legali Gerald Bonello f’isem il-Kamra tal-Prokuraturi Legali.
Preżenti wkoll kien hemm l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, Johan Galea, l-Amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati u rappreżentanti tal-Kamra tal-Avukati.