Numru ta’ avukati, li pparteċipaw f’diskussjoni fil-programm ‘Popolin’ fuq l-istazzjon nazzjonali dwar aġġornament fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali, irrimarkaw is-sitwazzjoni abbużiva li teżisti bħalissa u, b’hekk, qablu dwar il-bżonn tar-riforma mħabbra mill-Gvern.
L-Avukat Anna Mallia, bi snin twal ta’ esperjenza, spjegat is-sitwazzjoni attwali biex persuna privata titlob li tinfetaħ inkjesta maġisterjali.
“Kif inhi s-sitwazzjoni llum, jien fuq qlajja nista’ mmur għand il-maġistrat. Kif inhi s-sitwazzjoni llum, jekk il-qlajja hi fuqi, jien m’għandix dritt li l-maġistrat tisma’ bilfors, imma jekk trid. Kif inhi s-sitwazzjoni llum, jekk il-qlajja kontrija tinfirex kontra Franco u kontra Michael ukoll fl-istess inkjesta, il-Maġistrat mhuwiex marbut li jinforma lil Michael u lil Franco li hemm inkjesta fuqu u jibqa’ għaddej.”
L-Avukat Anna Mallia
Spjegat ukoll li, kif qegħda l-liġi bħalissa, vittmi ta’ inkjesti maġisterjali jew il-qraba tagħhom jgħaddu minn skariġġ biex ikollhom kopja tal-inkjesta u kif ukoll biex ikunu informati dwar l-andament tagħha.
“Jiena, li jiena l-vittma, irrid immur nitkarrab il-permess mingħand l-Avukat Ġenerali, jagħtini biss il-konklużjoni u dak iż-żmien kienu jħallsu msieken Lm25 kull page … kull page kienet orrajt? Din qed tgħidlek le, għandek dritt għall-inkjesta kollha ta u b’xejn teħodha ta u l-Avukat Ġenerali jrid jagħtihielek u, kull sitt xhur, l-Avukat Ġenerali jrid jinformak x’inhu għaddej fl-inkjesta ta.”
L-Avukat Anna Mallia
Filwaqt li Dr Mallia sostniet li r-riforma mħabbra mill-Gvern ftit tal-jiem ilu tindirizza dan kollu, l-Avukat Michael Sciriha indirizza l-kwistjoni tal-preservazzjoni tal-provi.
Dan anke wara dubji li tqajmu b’mod partikolari mill-Partit Nazzjonalista u l-esponenti tiegħu fejn qalu li fis-sitt xhur ta’ investigazzjoni mill-Pulizija, il-provi jistgħu jiġu mbagħbsa.
L-Avukat Sciriha xejjen dan id-dubju.
Michael Sciriha-“Kif tista’ telimina, pereżempju, jekk inti għandek is-service provider għandu r-rekords. Tista’ tgħidli?! Jekk inti, pereżempju, hu uffiċjal governattiv, għandek il-MITA, għandha r-rekords. Dawn ma teliminahomx”.
Franco Debono – “Dak l-argument ma jreġix, Quinton”.
Dan filwaqt li l-Avukat Franco Debono rrimarka kif bis-sistema attwali dak ir-riskju li tqajjem jeżisti fil-verità llum.
“Ma ninsewx li l-liġi, kif inhi llum, diġà jekk xi ħadd mar jitlob inkjesta fuqek inti se tiġi informat qabel tinfetaħ. Għadha ma nfetħitx, mela allura l-istess argument li inti tista’ tbagħbas ix-xhieda, tbagħbas ’l hemm u tbagħbas ’l hawn xorta, għax inti se tkun taf kif inhi l-liġi llum. Mela dak l-argument li qed tagħmel int jiddispjaċini ngħidlek, ma jreġix.”
L-Avukat Franco Debono