Espert forensiku, li tqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella bħala parti mill-inkjesta tagħha dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, ġie akkużat minn avukati tad-difiża b’konflitt serju ta’ interess u li pprova jagħmel gwadann personali f’Malta, waqt li għandu preċedenti f’dan ir-rigward.
Dan seħħ l-Erbgħa filgħodu hekk kif fil-Qorti kompliet tinstema’ kawża dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet ibbażata fuq l-inkjesta msemmija, bix-xhud ewlieni jkun Samuel Sittlington.
Fuq il-pedana tax-xhieda, Sittlington ġie mistoqsi mill-Avukat Vince Galea, f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dwar kif fil-passat kien ingaġġat mill-Gvern Brittaniku biex jassisti taqsima tal-investigazzjonijiet finanzjarji fil-pajjiż ta’ Guyana dwar reati li diversi persuni ġew akkużati bihom.
Hawn l-Avukat Galea spjega kif Sittlington fetaħ kumpanija privata tal-investigazzjonijiet tal-frodi fil-Guyana stess u, allegatament, kien qed juża l-informazzjoni sensittiva li kien qed jikseb bl-investigazzjoni li kien qed jagħmel għall-Gvern Britanniku, biex jespandi l-interessi personali u l-kummerċjali tiegħu. Qal li dan wassal biex il-Gvern Brittaniku jieqaf jaħdem ma’ Sittlington.
Quddiem diversi rapporti fil-midja internazzjonali u anke fuq il-profil personali tiegħu ta’ Linkedin, fejn juri li kien ingaġġat mill-Gvern Brittaniku, Sittlington stqarr li hu ma kienx jaħdem mal-Gvern Brittaniku u li hu qatt ma tkeċċa, imma kellu l-kuntratt irtirat.
Fl-istess seduta, l-Avukat Galea staqsa wkoll lix-xhud dwar jekk, waqt li kien qiegħed jagħmel xogħol fl-inkjesta lokali biex jassisti lill-Maġistrat Vella, offriex li jbigħ is-servizzi ta’ konsulenza tiegħu lill-Korp tal-Pulizija Malti.
Offerta, li skont l-Avukat Galea, kienet tqarreb il-miljun ewro, Sittlington ikkonferma li ltaqa’ mal-eks Assistent Kummissarju Alexandra Mamo fejn talbitu jippreżenta l-proposti tiegħu, iżda ma ftakarx kemm kienet tiswa l-offerta.
L-Avukat Stefano Filletti, li min-naħa tiegħu kien qed jirrappreżenta lill-eks Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Finanzi, Alfred Camilleri, wera imejl bejn il-Kummissarju u Sittlington fejn tkellmu dwar ftehim ta’ konsulenza, bl-Avukat Galea wera wkoll dokumenti li juru l-offerta ta’ Sittlington.
Ix-xhud anke ġie mistoqsi jekk qattx tkellem ma’ politiċi ġejjin mill-Oppożizzjoni u membri mill-NGO Repubblika, qabel, waqt u wara li tlestiet l-inkjesta, bix-xhud jgħid li qatt ma tkellem magħhom.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Galea wera kummenti ta’ Sittlington fuq post ta’ ġurnalist lokali fejn jgħid li hu jaf biżżejjed l-ambjent li hawn f’Malta, fl-istess ħin li kienet għadha mhux konkluża l-inkjesta. Iżda Sittlington qal li ma ra xejn ħażin f’dan il-messaġġ.
Tul seduta twila numru ta’ sigħat, l-avukati tad-Difiża staqsew lil Sittlington dwar ir-rwol tiegħu fl-inkjesta fejn anke ffirma l-istess rapport. Hu wieġeb li kien responsabbli biex jiġbor l-informazzjoni u jorganizza t-tfittxijiet li saru, iżda ma kienx l-awtur tal-inkjesta.
Mistoqsi jekk jerfax responsabbiltà għal dan ir-rapport, Sittlington wieġeb li hu ma jerfa’ l-ebda responsabbiltà.
Sadanittant, qabel bdiet is-seduta, diversi avukati li qed jirrappreżentaw lil diversi akkużati, ressqu żewġ ittri quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, kontra l-istess espert.
L-avukati fissru l-aġir ta’ Sittlington bħala konflitt ċar ta’ interess bil-għan ewlieni li jagħmel profitt qawwi mingħajr ebda rispett lejn il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura fl-istess inkjesta.