Avukat prominenti li kien qiegħed jidher għal xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni f’investigazzjoni kriminali ta’ profil għoli, dalgħodu nqatel brutalment b’għadd ta’ tiri fit-toroq ta’ Amsterdam, fl-Olanda.
Il-midja Olandiża qiegħda tirrapporta li s-suspettat bil-qtil ħarab minn fuq il-post u qed issejjaħ dan il-qtil bħala mafjuż.
Il-Pulizija Olandiża qalet li l-Avukat Derk Wiersum inqatel għall-ħabta tas-7.30 a.m. Huwa kien qed jidher għal Nabil B, xhud ewlieni fil-każ kontra Ridoun Taghi li huwa l-moħħ ta’ grupp kriminali kbir fl-Olanda.
Hu mifhum li Taghi huwa l-moħħ wara sensiela ta’ qtil li seħħu fil-belt ta’ Utrecht u Amsterdam b’rabta ma’ ċrieki kriminali involuti fit-traffikar tad-droga.
Persuni li jgħixu fl-inħawi qalu li semgħu xita ta’ tiri u li raw lill-aggressur li għandu bejn 16 u 20 sena jaħrab minn fuq il-post.
Is-sena li għaddiet inqatel ukoll ħu x-xhud ewlieni f’dan il-każ f’dik li kienet meqjusa bħala twissija lil Nabil biex ma jixhidx.
Il-vittma kien sieħeb f’ditta tal-avukati ewlenija f’Amserdam u kien jiffoka fuq każijiet li jinvolvu reati kriminali.
Huwa kien wissa lid-Dipartiment tal-Prosekuzzjoni Pubblika li l-Olanda ma kinitx qed tagħmel biżżejjed biex tipproteġi x-xhieda ewlenija tal-Prosekuzzjoni.
Waqt li l-Prim Ministru Olandiż qal li jinsab maħsud b’dan il-qtil, is-Sindku ta’ Amsterdam Femke Halsema sejjaħ għal laqgħa ta’ emerġenza mal-kummissarju tal-pulizija u l-ministru tal-ġustizzja tal-pajjiż.