Kevin Plumpton ġie ordnat iħallas ftit inqas minn €116,000 f’kumpens wara li l-Qorti sabitu ħati li kien tajjar turista, li b’konsegwenza sofriet minn diżabilità permanenti.
Il-każ imur lura għat-13 ta’ April tal-2018, għall-ħabta tas-6pm, x’ħin tajjar lit-turista Pollakka, li dak iż-żmien kellha sitta u tletin sena.
Plumpton, avukat u ex-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014, ma kkontestax id-deċiżjoni tal-Qorti dwar id-danni li kkawża iżda kkontesta t-talba tal-vittma biex tingħata l-flus. Huwa talabha tipprovdi iktar evidenza.
Fil-Qorti nstema’ kif il-vittma kienet fuq btala hawn Malta m’ommha u kienet qed tara l-ħwienet fi Triq Santa Marija, Tas-Sliema, meta seħħ l-inċident.
Espert mediku appuntat mill-Qorti rrapporta li l-vittma sofriet minn ġrieħi severi ta’ natura permanenti, fosthom billi tilfet madwar nofs il-moviment li setgħet tagħmel kawża tad-diversi ksur li sofriet.
Fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, l-Imħallef Toni Abela innota li minkejja li meta seħħ l-inċident il-vittma ma kinitx taħdem, ma kienx eskluż il-fatt li din setgħet ssib xogħol fil-futur. Hija kellha diversi kwalifiki akkademiċi.
B’hekk, il-kumpens ordnat li jingħathalha ġie kkalkulat fuq dak li hija setgħet tilfet fi qligħ minn xogħol abbażi tal-paga medja f’pajjiżna. Il-kumpens, allura, laħaq is-somma ta’ €115,709.
Apparti minn hekk, Plumpton ġie ordnat iħallas ukoll l-ispejjeż relatati mal-każ u spejjeż anċillari oħra.