Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, Dr Christian Grima rtira l-allegazzjoni mill-aktar serja, li kien kiteb pubblikament fuq Facebook, fejn qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien dak li sploda lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’Mejju tal-2020, Dr Muscat kien fittex lil Dr Grima għal libell. F’seduta minnhom, l-Avukat Grima ġie mistoqsi jekk kienx qed ifisser li Dr Muscat kien, b’xi mod, involut fl-assassinju u, meta wieġeb iva, il-Qorti ordnat l-inverżjoni tal-provi, jiġifieri li hu jipprova dak li kien qed jgħid.
Ilbieraħ fil-Qorti kien hemm żvilupp fejn Dr Grima għamel stqarrija fejn qal li qatt ma ried jimplika li l-eks Prim Ministru kien l-eżekutur jew il-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u li hu kien qiegħed biss jagħmel tiegħu l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika u riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Fl-aħħar snin, kien hemm tentattivi biex id-dikjarazzjoni ta’ Dr Grima tiġi rtirata, iżda l-istqarrija li offra li jagħmel Dr Grima ma kinitx sodisfaċenti, għax kienet tagħmel ġudizzju li Dr Muscat ma kienx jaqbel miegħu.
F’post fuq Facebook, Dr Muscat qal li, għalih, bl-istqarrija li għamel fil-Qorti Dr Grima kkonferma l-fatt li hu qatt ma kien involut fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għalhekk, fid-dawl ta’ din l-istqarrija, Dr Muscat irtira l-libell.
Fuq Facebook, l-eks Prim Ministru qal ukoll li offerta simili kien għamilha lill-familja Caruana Galizia fil-libell dwar il-gidba tal-Egrant fejn qal li lest iwaqqgħu jekk huma jirrikonoxxu l-konklużjonijiet tal-inkjesta li saret.
F’messaġġ sussegwenti fuq il-midja soċjali, l-eks Prim Ministru ċċara xi ħaġa oħra biex “ma jkunx hemm min idaħħal il-flieles” u dan wara l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kif, hu kkuntattja lill-Gvern Amerikan għall-għajnuna.
Dr Muscat qal li xhieda ta’ dan huma uffiċjali tal-Ambaxxata Amerikana u, jekk kien hemm xi uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija li għamel l-istess, ma jafx, avolja x’uħud jgħidu li l-Korp kien jitmexxa minn imnieħru.
Tenna li ġiet involuta wkoll l-Aġenzija Forensika Olandiża, meqjusa fost l-aħjar. Qal li dan jista’ jiġi kkonfermat minn Helena Dalli li kienet involuta f’dan. “Min ikollu x’jaħbi mhux hekk jagħmel,” kiteb Dr Muscat.