Patrick Spiteri, Avukat, qiegħed jitlob kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest iżjed laxki sabiex imur jaħdem fir-Renju Unit wara li rċieva offerta ta’ xogħol. Spiteri għandu każijiet pendenti fil-qrati Maltin wara li lura fl-2014 kien arrestat f’Surrey u estradit lejn pajjiżna sabiex jaffaċċja akkużi ta’ frodi u miżapropjazzjoni.
L-akkużat ta’ 55 sena li kien jaħdem fil-liġi tat-taxxi, kien qed jgħix fi propjetà fil-kampanja fl-Ingilterra ta’ madwar 4 miljuni sabiex ma jaffaċċjax l-allegazzonijiet ta’ frodi u miżapropjazzjoni ta’ madwar 7.4 miljun ewro.
Il-każ madankollu qajla mexa bid-difiża titlob li jinżamm taħt arrest fid-dar tiegħu sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għad-dokumenti sabiex jipprepara d-difiża tiegħu. Talba li ġiet milqugħa mill-Qorti.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli semgħet kif Spiteri kellu offerta sabiex jagħmel xogħol ibbażat f’Malta għal-kumpanija Ingliża. Xogħol li madankollu jirrikjedi li jħalli pajjiżna ta’ spiss. Il-Qorti semgħet ukoll mingħand bosta xhieda kif issa għalkemm huwa avukat kompetenti kienu jsibuha diffiċli biex iħaddmuh magħhom.
Il-Qorti qalet li se tkun qed toħroġ digriet bid-deċiżjoni.
L-avukat Stefano Filletti deher għall-akkużat filwaqt li l-avukat Charles Mercieca deher għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.