L-Eks Ministru Austin Gatt tilef appell li għamel wara li Marlene Mizzi, Membru tal-Parlament Ewropew, kienet rebħitlu libell għal diskors li għamel fil-konfront tagħha fi żmien li Gvern Nazzjonalista kien qed jagħmel minn kollox biex jagħlaq is-Sea Malta.
Marlene Mizzi kienet irriżenjat mit-tmexxija tas-Sea Malta minħabba l-mod kif il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien kien qed jimmaniġġja l-privatizzazzjoni tas-Sea Malta.
Eventwalment, f’kummenti li ta Austin Gatt kien ta x’jinftiehem li Marlene Mizzi berbqet fondi tas-Sea Malta. L-Imħallef Anthony Ellul analizza s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet tat kumpens ta’ €1,000 lil Mizzi għax kellha raġuni tħossha inġurjata b’dak li Austin Gatt kien qal f’intervista mat-Times of Malta fl-2005.
Għad-difiża li Gatt kien qed jgħid biss il-fehma tiegħu l-Qorti qalet: “Madanakollu l-fehma trid tkun ibbażata fuq fatti li huma sostanzjalment veri. Li tagħti x’tifhem li persuna berbqet fondi pubbliċi hi akkuża serja iktar u iktar meta l-appellanta qalet li kienet direttur fil-bord tad-diretturi ta’ bank lokali u kumpanija ta’ assigurazzjoni.”
Din ma kinetx l-unika kunsiderazzjoni li rat il-Qorti f’sentenza ta’ 11-il paġna li wasslet biex l-Imħallef qal: “Magħmula dawn il-konsiderazzjonijiet il-Qorti ma ssib l-ebda raġuni għalfejn m’għandhiex taqbel mal-konklużjoni li waslet għaliha l-ewwel Qorti.”