“Il-ġustizzja fil-Partit (Nazzjonalista) issir bl-uċuh. Lil Ninu (Zammit), wara li ta saħħtu kollha għall-Partit, remewh, imma lil Austin (Gatt), li kellu kont bankarju l-Iżvizzera, dak le, dak ma jimpurtax … lil dak, Karol (Aquilina) ma keċċiehx. Għax Austin jista’, imma Ninu le”.
Hekk qalulna attivisti Nazzjonalisti min-naħa t’isfel ta’ Malta u li tkellmu ma’ ONE News, wara li dan l-istazzjon l-Erbgħa rrapporta dak li żvela il-perċimes tal-għaqda estremista Repubblika, Robert Aquilina, dwar ħuh, Karol, il-Kap veru attwali tal-PN.
Waqt intervista fuq il-podcast ta’ Ricky Caruana, in-Nutar tal-Kurja, Robert Aquilina, żvela kif kien ħuh li keċċa lill-eks Ministru Ninu Zammit mill-Partit Nazzjonalista.
Ricky Caruana rrefera għal politiċi fil-Partit Nazzjonalista, li kellhom ammonti konsiderevoli ta’ flus mhux iddikjarati barra l-pajjiż. Kien hawn li Robert Aquilina staqsih għal min kien qed jirreferi, b’Caruana jirrispondi “la naf Ninu Zammit u lanqas Austin Gatt”.
Hawn Aquilina jirrispondi “ħija keċċieh mill-Partit Nazzjonalista”.
ONE News żvela, minn sorsi fi ħdan l-istess Partit Nazzjonalista, li l-President Onorarju ta’ Repubblika kien qed jirreferi speċifikament għal Ninu Zammit.
Zammit, li kien Ministru għal snin twal taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, kien spiċċa tqaċċat ’il barra mill-PN fi żmien it-tmexxija ta’ Simon Busuttil wara li nstab li, snin twal qabel, kellu xi flus barra l-pajjiż mhux iddikjarati.
Iżda Austin Gatt ukoll kellu storja simili fejn inqabad li kellu kont bankarju fl-Iżvizzera, li kien ilu miftuh għal aktar minn 40 sena u li skontu nesa jiddikjarah għax qal li “ma kienx hemm tranżazzjonijiet”.
Attivisti, li tkellmu magħna, qalu li “Austin Gatt, għax dejjem kien il-favorit tal-familja Fenech Adami, Karol (Aquilina) ma keċċiehx, kif ġiegħel lil Simon Busuttil jagħmel b’Ninu Zammit. Dan hu s-sens ta’ inġustizzja fil-PN. Jekk tkun parti mill-klikka, jiddefenduk, jekk le, ifarrkuk.”
It-tkeċċija ta’ Ninu Zammit mill-PN kienet ġabet rabja kbira fost votanti u attivisti Nazzjonalisti, speċjalment dawk li jiftakruh fl-aqwa tiegħu politikament.
Dakinhar, ħafna Nazzjonalisti kienu ħassew li l-PN kien mexa b’mod inġust ma’ Zammit, l-istess kif kien mexa mal-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon, fuq każ simili.