F’inqas minn ġimagħtejn oħra, żewġ atturi ta’ Hollywood mistennija jibdew jaħdem fuq produzzjoni ta’ film miġbud f’Malta, bi storja ispirata minn ġrajja li seħħet f’Malta 100 sena ilu.
Storbju huwa produzzjoni ġdida u eċċitanti lokali li ġiet mnebbħa mill-irvellijiet tas-Sette Giugno.
Dawn l-irvellijiet li fih il-Maltin qamu bħala nazzjon raw minn tal-inqas erba’ persuna jħallsu b’ħajjithom.
F’din il-produzzjoni se jkun hemm l-atturi ta’ Hollywood, Harvey Keitel u Malcolm McDowell.
Fil-film hemm ukoll il-Maltin hekk kif l-attur veteran Narcy Calamatta se jkollu parti importanti.
Il-film qed jiġi prodott minn Aaron Briffa, Pedja Miletic u Jean Pierre Magro.
Intant fit-teatru Manoel saret konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħatat iżjed informazzjoni dwar din il-produzzjoni li qed tfittex numru kbir ta’ extras biex jieħdu sehem.
Tkellem il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li saħaq li flimkien mal-Kummissjoni tal-Films se nkunu qed nsaħħu din il-produzzjoni bil-għan li nippromovu internazzjonalment it-talent lokali.
Miegħu ngħaqad il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici li appella lil Maltin biex jingħaqdu wara din il-produzzjoni li tirrifletti s-soċjetà Maltija tal-lum u tal-imgħoddi.