Aktar ċelebritajiet qed jiżdiedu fuq il-lista ta’ ċelebritajiet li fil-gwardarobba tagħhom għandhom ilbies tad-disinjaturi Maltin Charles & Ron. Dan hekk kif issa kien imiss l-attriċi Ajiona Alexus, li hi famuża għall-irwol tagħha bħala Sheri fis-serje famuż mondjali ’13 Reasons Why’.
Alexus għażlet libsa ta’ Charles & Ron biex tattendi għall-Hulu Party, il-festin tal-Emmy Awards li ttellgħu aktar kmieni din il-ġimgħa, liema libsa hi parti mill-kollezzjoni l-ġdida tagħhom ‘Palazzo’. L-attriċi li għandha biss 22 sena ħadet fama meta ħadet sehem fis-serje ’13 Reasons Why’, liema serje kien f’nofs kontroversja hekk kif jindirizza b’mod dirett is-suwiċidju fost iż-żgħażagħ.
Alexus għandha ‘l fuq minn żewġ miljun segwaċi fuq Instagram u mill-profil tagħha tidher li l-karriera tagħha għaddejja fit-triq it-tajba.
Din mhux l-ewwel ċelebrità li għażlet li tilbes ilbies ta’ Charles & Ron hekk kif fost iċ-ċeleritajiet kien hemm l-attriċi Nathalie Emmanuel mis-serje Game of Thrones, il-kantanta Jessie J u l-kantanta Michelle Williams.