Il-Ministru għar-Riċerka u Innovazzjoni, Owen Bonnici flimkien maċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando niedew programm mimli b’attivitajiet tal-Milied b’differenza fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza l-Esplora, fejn id-dħul se jkun b’xejn għat-tfal sa 15-il sena bejn it-tmintax ta’ Diċembru u s-sitta ta’ Jannar.
L-attivitajiet li se jittellgħu f’dan il-perjodu huma varji, iżda għandhom fil-bażi tagħhom ix-xjenza u oqsma relatati, bħal perezempju l-użu tal-matematika u l-prinċipji tas-simetrija, informazzjoni dwar l-enerġija u tagħrif dwar innovazzjonijiet diġitali oħra.
L-attivitajiet kollha mtellgħin ser isegwu l-protokolli u linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-Saħħa.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon Puluccino Orlando spjega x’mistenni jesperjenzaw dawk li jżuru l-Esplora f’dawn il-jiem.
Is-Sur Pullicino Orlando spjega, “Christmas activities li mhumiex dak li jistenna wieħed tas-soltu kollha għandhom tema relatata mal-istaħun festiv imma fl-istess ħin għandhom allaċjament max-xjenza. Allura taraw christmas tree li tixgħal bil-kimika, tkunu tistgħu anke tagħmlu cards għall-maħbubin tagħkom li jkunu elettriċi.”
Il-Ministru Bonnici saħaq li hu kruċjali li nressqu t-tfal lejn ix-xjenzi u sostna li dawn l-attivajiet jibnu rabta sabiħa ferm bejn il-ġenerazzjonijiet li telgħin u dan is-settur tant importanti għas-suċċess ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.
“Hawnekk hawn ħafna attivitajiet tal-Milied li fihom se jieħdu gost iżda jitgħallmu dwar ix-xjenzi li huma importanti ħafna. Ejjew naraw li jkun hemm kurżita fit-tfal tagħna fuq ix-xjenza u dak li qed nagħmlu aħna hawn fl-Esplora.” Stqarr il-Ministru Bonnici.