Matul ix-xahar ta’ Marzu l-Għaqda Dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Għawdex se jkunu qed itellgħu numru ta’ attivitajiet f’Għawdex b’rabta mal-Ġimgħa l-Kbira.
Fost dawn l-attivitiej se jkunu qed jorganizzaw attività mingħajr ħlas bl-isem ta’ “Tenebrae- Reviving Easter Traditions” li ser tittella’ fiċ-Ċittadella f’Għawdex fit-28 ta’ Marzu 2018 fis-7.30p.m. Din ser tkun tikkonsisti f’funzjoni tradizzjonali bl-isem “Tniebri – Lejla fid-Dlam” li kienet issir nhar l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa ssegwi b’purċissjoni tradizzjonali kif kien fl-antik.
Il-qofol ta’ l-attività se jintlaħaq permezz ta’ dramm ġdid li se jsir matul il-Pjazza u t-Toroq taċ-Ċittadella bl-isem “Il-Guri”.
Għat-tieni darba se ssir manifestazzjoni ta’ tfal bl-isem “Ħallu t-Tfal Jiġu Għandi”. Din sejra tinżamm fit-22 ta’ Marzu 2018 fis-6.00pm quddiem l-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca tar-Rabat, Għawdex fejn tikkonsisti f’manifestazzjoni bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, liema vari ġew maħduma ‘minjatura sabiex is-sehem kollu jkun tat-tfal.
Apparti minn hekk l-Għaqda Dilettanti Ġimgha l-Kbira ta’ Għawdex se jtella’ d-dramm tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu mingħajr ħlas bl-isem ta’ “Imsallab fi Triqatna” fis-17 ta’ Marzu 2018 fis-7.30 pm minn Pjazza Sant’ Wistin fejn issir ix-xena ta’ Dahla ta’ Gesu’ Kristu f’ Gerusalem.
Id-dramm jibqa’ sejjer għal parti oħra minn Pjazza Sant’ Wistin fejn ser tittella’ x-xena tas-Samaritana ħdejn il-bir. Issegwi x-xena tal-mara midinba fil-Pjazzetta Patri Akkursju Xerri fejn wara fi Triq Vajringa se jkun hemm ix-xena tat-Tempju fejn Ġesu’ jirrabbja mal-bejjiegħa tat-tempju malli jara li t-tempju ta’ missieru ġie mibdul f’suq.
Id-dramm ikompli fi Pjazza San Frangisk fejn tittella’ l-Aħħar Ċena u wara matul Strada Palma, il-pubbliku jkun jista’ jsegwi lil Ġesu’ jitlob fil-Ġnien tal-Ġetsemani kif ukoll jara lil Ġesu’ maqbud mis-suldati Lhud wara l-bewsa tal-Appostlu tiegħu Ġuda l-Iskarjota.
Tul Triq ir-Repubblika, id-dramm ikompli b’diversi xeni fosthom dik tal-akkużi miġjuba kontra Ġesu’ quddiem il-Qassisin il-Kbar Lhud u l-akkużi miġjuba quddiem Ponzju Pilatu. Il-pubbliku jiltaqa’ wkoll mar-Re Erodi u ż-żeffiena tiegħu kif ukoll jsegwi lil Ġesu’ Kristu jiġi msawwat sakemm finalment jiġi kkundannat għall-mewt u mgħobbi bis-Salib. Id-dramm ikompli b’Ġesu’ jibqa’ miexi għall-Pjazza Repubblika. Matul it-Triq, il-pubbliku jara wkoll lil Xmun iċ-Ċirinew li jitgħabba bis-salib flimkien ma’ Ġesu’.
Wara jibqa’ sejjer fit-telgħa taċ-Ċittadella fejn Gesu’ jigi msallab b’xena ta’ qsim il-qalb meta omm Ġesu’ tara u żżomm fi ħdanha l-ġisem mejjet ta’ Ġesu Kristu. Id-dramm ikompli bid-difna ta’ Ġesu’ Kristu li sseħħ fi Pjazza Repubblika sakemm it-tmiem tad-dramm jiġi raffigurata fl-Irxoxt.