Jum il-Ħelsien ifakkar il-ġurnata li Malta mmarkat l-għeluq tal-bażi militari Ingliża u l-ħelsien. Fil-31 ta’ Marzu 1979, telaq l-aħħar bastiment Ingliż minn pajjiżna u Malta ma baqgħetx tintuża bħala bażi militari Ingliża. Jum il-Ħelsien huwa kapitlu importanti fl-istorja ta’ Malta, li se jiġi mfakkar bi programm uffiċjali mħejji minn Festivals Malta permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali.
Nhar Jum il-Ħelsien, it-Tnejn 31 ta’ Marzu 2025, fid-9.30am, jibda marċ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta minn Pjazza Pawlino Vassallo f’Bormla u jgħaddi minn Triq Dom Mintoff għal Triq San Lawrenz il-Birgu, sal-Monument tal-Ħelsien.
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mal-Gwardja tal-Unur jilqgħu lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Iċ-ċerimonja fuq l-għolja tal-Ħelsien tilħaq il-qofol tagħha fl-10.00am fejn mal-wasla tal-President tingħata salut nazzjonali. Wara, l-ogħla awtoritajiet flimkien jitilgħu l-għolja tal-Ħelsien fejn il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta tesegwixxi l-Innu tal-Ħelsien. Wara tindaqq il-fanfarra u jitpoġġew il-fjuri fuq l-istess monument. Iċ-ċerimonja tiġi fi tmiemha bid-daqq tal-innu nazzjonali.
Nhar it-Tlieta 1 ta’ April 2025 f’nofsinhar ser issir parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. F’din il-wirja, il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta mmexxija mill-Maġġur Jonathan Borg tesegwixxi numru ta’ kompożizzjonijiet lokali flimkien ma’ numru ta’ marċi li matulhom isiru diversi formazzjonijiet mill-istess membri tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Lejn l-aħħar tal-parata, il-banda tesegwixxi ‘Lil Malta f’Jum il-Ħelsien’ ta’ Mikis Theodorakis.