Il-festival Ix-Xjenza fil-Belt ta’ din is-sena juri li se jkun wieħed straordinarju b’serje ta’ attivitajiet u installazzjonijiet fejn ix-xjenza u l-arti flimkien joħolqu riżultati pjuttost mhux tas-soltu. Il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru mis-6pm ‘il quddiem fil-Belt Valletta, waqt il-festival se jkun hemm: “Xewk”, “Sferi” u “The Creative Jam”. Dawn it-tlett attivitajiet huma mhux biss sbieħ imma uniċi għax kollha għandhom il-mod ekklettiku oriġinali tagħhom.
“Xewk” hi struttura magħmula kompletament minn materjal komuni ħafna – il-konkrit. Ħafna huma dawk li jistgħu jinħasdu meta jisimgħu din il-kelma, imma fir-realtà, ftit huma li jafu li din hi t-tieni l-iktar sustanza użata mill-bnedmin madwar id-dinja. It-tieni biss wara l-ilma. “Xewk” tippreżenta r-riżultat ta’ snin ta’ riċerka dwar kif l-aħjar jinħoloq materjal sostenibbli li jelimina l-effetti negattivi fuq l-ambjent. Il-Prof. Ruben Paul Borg mill-Metamaterials Unit tal-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta u t-tim tiegħu żviluppaw tip ġdid ta’ materjal tal-bini, bl-użu ta’ nanoteknoloġiji. Dan is-sostitut tal-konkrit jista’ jintuża biex joħloq strutturi ta’ prestazzjoni għolja u aktar durabbli, kif jidher mill-istruttura kemmxejn stramba imma meraviljuża tal-konkrit “Xewk”. L-istruttura, li se tkun esibita fi Pjazza Kastilja, inħolqot permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Institute of Computer Education Ltd (ICE).
L-interkonnessjoni tat-teknoloġija moderna se tkun murija waqt ix-Xjenza fil-Belt fl-istallazzjoni “Sferika”. Dan hu torri tal-ħġieġ għoli 4 metri u maħluq mill-artist Malti Louis Briffa. Kif jixhed ismu, l-isferi tal-ħġieġ se jiddendlu fl-għoli, b’kull boċċa tirrappreżenta t-teknoloġiji innovattivi li llum qed jiddefinixxu mill-ġdid l-istili ta’ ħajja tagħna. Fost dawn hemm l-Intelliġenza Artifiċjali, il-Bioteknoloġija, il-Cloud Computing, Blockchain u n-Nanoteknoloġija.
“The Creative Jam” – taħlita mhux tas-soltu ta’ jazz u xjenza – mfassla għal dan il-festival mir-riċerkaturi, Dr Leonie Baldacchino, Prof Sandra Dingli u Dr Margaret Mangion mill-Istitut Edward de Bono għad-Disinn u l-Iżvilupp tal-Ħsieb u Claude Bajada, newroxjentist konjittiv fl-Università ta’ Malta. Huma ssieħbu mal-mużiċist tal-jazz Diccon Cooper u t-trio tiegħu Stretta Swing, biex jinvestigaw kif it-tagħlim dwar kunċetti ta’ mużika improviżata jistgħu jtejbu l-ħolqot l-ideat tiegħek. “The Creative Jam” se ssir kull siegħa mis-7pm sal-11pm f’Palazzo Parisio, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Fuq nota differenti, ir-riċerkatriċi Simone Cutajar, minn Green House Malta, u tim ta’ subien mill-Iskola ta’ St Patrick f’Tas-Sliema ssieħbu flimkien f’alleanza oħra mhux konvenzjonali biex ifittxu l-ambjent tal-friefet tal-lejl f’Malta. Huma segwew tagħrif li bih setgħu joħolqu biċċa xogħol tal-arti għall-festival. Bħala ċelebrazzjoni ta’ dawn il-kreaturi sbieħ u kemmxejn misterjużi nħolqot skultura kbira tal-farfett il-lejl mit-tagħrif miġbur. L-istallazzjoni tal-arti “Bat Crazy” se ssir fi Pjazza De Valette u hi ffinanzjata mill-Kunsill Malti tal-Arti.
Biex tara l-aħħar aġġornamenti dwar il-festival fittex fuq www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta u tista’ tara l-programm sħiħ fuq is-sit: www.scienceinthecity.org.mt
Ix-Xjenza fil-Belt hi parti miċ-ċelebrazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Il-Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej hi ffinanzjata minn Marie Skłodowska-Curie Actions tal-Programm Horizon 2020 tal-Unjoni Ewropea, u minn numru ta’ sponsers korporattivi. Dan il-Festival hu rrikonoxxut mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE).
Il-Konsorżju hu mmexxi mill-Università ta’ Malta, il-Kamra tax-Xjentisti ta’ Malta u mill-Fond ta’ Riċerka tal-Università (RIDT), bi sħubija mas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Impjiegi, MCAST, Esplora, JUGS Ltd, Studio 7, BPC International, GSD Marketing Ltd, Aquabiotech Ltd, MEUSAC, PBS, Spazju Kreattiv, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsill Malti għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, Small Initiatives Support Scheme, More or Less Theatre, Transport Malta, Kreattiv u Creative Community u l-Kunsill Malti tal-Arti.