Is-Soċjetà Filarmonika King’s Own nediet kalendarju ta’ attivitajiet għall-2024, fejn se tkun qed tiċċelebra l-150 sena mit-twaqqif tagħha. Il-King’s Own twaqqfet fl-1874 minn Maestro Giuseppe Borg.
Skont il-ktieb ‘Malta bil-gżejjer tagħha u li għadda mingħaliha’, tal-awtur rinomat Pietru Pawl Castagna, li għex fl-istess epoka, għadd ta’ dilettanti tal-festa ta’ San Duminku kienu waqqfu l-ewwel banda fil-Belt Valletta, dak iż-żmien magħrufa bħala La Stella, b’referenza ċara għall-istilla ta’ San Duminku, il-qaddis patrun tas-Soċjetà.
Fost is-suċċessi li s-soċjetà kellha matul is-snin, wieħed jista’ jsemmi li l-King’s Own kienet l-ewwel banda f’Malta li ngħatat it-titlu ta’ Eċċellenza.
F’konferenza tal-aħbarijiet, li saret fil-każin stess fl-aħħar jiem, il-President tas-Soċjetà, il-Perit Ivan Piccinino, irrimarka li fl-2024 se jsiru ċelebrazzjonijiet bis-sehem ta’ każini tal-baned oħrajn Maltin u Għawdxin li ġew mistiedna jaqsmu dan l-anniversarju importanti.
Il-banda popolari mistennija tieħu sehem f’diversi kunċerti, kemm mużikali kif ukoll vokali, f’postijiet differenti, fosthom it-Teatru Manoel, is-Sala Sir Temi Zammit u l-bitħa tal-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
F’April 2024, se jsiru marċi, flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Vilhena tal-Furjana, li wkoll qed tiċċelebra l-150 anniversarju tagħha u ż-żewġ soċjetajiet twaqqfu mill-istess Surmast.
Dwar l-aspett kulturali, il-kumitat ippjana wkoll għadd ta’ attivitajiet, fosthom, ktieb dwar l-istorja tal-każin u, għall-membri tas-soċjetà, bejn it-23 u l-25 ta’ Mejju, mawra ta’ tlett ijiem f’Bologna, il-belt fejn hu midfun San Duminku, il-partun tas-soċjetà. Matul din iż-żjara, il-Banda mistennija tipparteċipa f’parata fit-toroq ewlenin u tesegwixxi kunċert mużikali fil-Basilica di San Domenico ta’ Bologna stess.
Sadanittant, fil-bini tal-każin, żewġ proġetti kbar waslu biex jitlestew. L-ewwel wieħed it-tisbiħ tas-sala prinċipali tal-każin bl-isem tar-Re Dwardu VII, li kien hu li, fl-1901, awtorizza lis-soċjetà tuża l-isem The King’s Own Band, meta tela’ fuq it-tron, filwaqt li t-tieni proġett hu d-diġitalizzazzjoni tal-arkivju mużikali għani tas-soċjetà li jvarjaw minn klassiċi għal kontemporanji u moderni. Kif mistenni, iż-żewġ proġetti se jkunu varati matul is-sena d-dieħla.
Bħalissa, il-Banda King’s Own tinsab taħt it-tmexxija tas-Surmast Dr John Galea, li din is-sena wkoll jiċċelebra l-20 anniversarju tiegħu fit-tmun tagħha, mgħejjun minn Maestro Anthony Cassar.
Aktar dettalji relatati mal-festi tas-sena d-dieħla, jistgħu jitniżżlu minn fuq il-websajt uffiċjali tas-socjetà jew il-paġna tagħha fuq Facebook.
-Nicole Cassar