Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, flimkien mad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, nieda proġett pilota t’attivitajiet għall-anzjani marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa.
Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva ġiet inawgurata wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa bl-isem ta’ Sanctum Sanctorum ġewwa l-Mosta, organizzata minn Clayton Meli.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal li ġew avviċinati numru ta’ day centres sabiex jiġi determinat kemm l-anzjani jixtiequ jattendu għal dawn l-attivitajiet fiż-żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. In-numru ta’ konkorenza jidher li ser ikun mill-isbaħ. L-anzjani ser iżuru knejjes li ser ikunu mżejna għal dan iż-żmien kif ukoll iżuru l-wirja Sanctum Sanctorum.
Anthony Agius Decelis qal li l-għan wara din l-inizjattiva hu li l-anzjani jkollhom l-opportunità jżuru l-knejjes u l-wirjiet fiż-żmien il-Ġimgħa l-Kbira. Is-Segretarju Parlamentari sostna kemm huwa importanti li nżommu ħaj tradiżżjonijiet Maltin. Filwaqt li rringrazzja lil min jaħdem b’tant dedikazzjoni fiż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira, huwa ħeġġeġ lill-anzjani preżenti għat-tnedija sabiex iżuru l-wirjiet u jrawwmu dawn it-tradizzjonijiet fin-neputijiet tagħhom ħalli t-tradizzjonijiet Maltin jibqgħu ħajjin.